Tliet ċiklisti u sid ta’ għelieqi li jinsabu f’Wied Ħażrun, ir-Rabat, spiċċaw fil-Qorti wara li kellhom argument bejniethom b’rabta ma’ aċċess fl-inħawi. Il-każ seħħ fit-30 ta’ Jannar tal-2022.
Sid l-għelieqi huwa Emanuel Ciantar ta’ 52 sena mir-Rabat stess, filwaqt li t-3 ċiklisti huma Yves Muscat ta’ 53 sena minn San Ġwann, ibnu Isaac Muscat ta’ 26 sena minn San Ġiljan u Scott Emanuel Schembri ta’ 26 sena mis-Swieqi.
L-Ispettur Sarah Magri spjegat fil-Qorti li l-Pulzija kienet irċeviet rapport mingħand Ciantar li kien hemm xi ċiklisti daħlulu fl-għelieqi tiegħu mingħajr permess. Mal-Pulizija, Ciantar spjega li kellu argument magħhom.
Meta l-Pulizija kellmet liċ-ċiklisti dawn qalu li huma kienu fil-kumpanija ta’ ċiklista oħra barranija u allegaw li Ciantar beda joffendiha u jgħidilha tmur lura pajjiżha.
Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Monica Vella għamlitha ċara li l-każ seta’ faċilment ġie evitat bi ftit buon sens mill-erbgħa li huma. Qalet li l-inċident kien ikkawżat miċ-ċiklisti li daħlu wara r-reċint u semmiet kif kien hemm nuqqas ta’ qbil jekk wara x-xatba kienx privat jew pubbliku.
Żiedet li Ciantar ipprova li kellu l-pussess tal-art għandu u qalet li anke dan qed jiġi kkontestat f’kawża mal-Awtorità tal-Artijiet, fil-kamp kriminali il-pussess jista’ jkun wieħed sempliċi.
Kompliet li ċ-ċiklisti kienu jafu li kien hemm grada u sostniet li kinitx magħluqa jew miftuħa huwa irrelevanti waqt li żiedet li meta ċ-ċiklisti daħlu fl-għelieqi wettqu vjolazzjoni fil-propjetà.
Ciantar instab ħati li insulenta liċ-ċiklista barranija li kienet mat-3 ċiklisti u kkundannatu twiddiba u ċanfira waqt li obbligatu taħt €500 biex ma jdejjaqhiex.
Dan filwaqt li ż-żewġ ċiklisti l-oħra, Yves u Isaac Muscat instabu ħatja li insulentaw lil Ciantar u li daħlu fil-proprjetà tiegħu u kkundannathom sitt xhur ħabs sospiżi għal sena kull wieħed.
Schembri nstab ħati li daħal fil-propjetà ta’ Ciantar u kkundannatu tliet xhur ħabs sospiżi għal sena.