“Aħna lkoll li qegħdin ngħixu f’din is-siegħa solenni, aħna xhieda ta’ ġrajja importanti fl-evoluzzjoni Kostituzzjonali tagħna li żgur titniżżel u tibqa’ mfakkra fl-Istorja ta’ ġensna. Meta għada pitgħada din l-istorja tinkiteb, jien żgur li fir-rakkont tagħha tingħata importanza speċjali għall-fatt kif il-Parlament Malti, ispirat mill-Gvern, irnexxielu bid-dehen, bis-sabar u bi spirtu ta’ koperazzjoni u kompromess, jasal fi ftehim kważi unanimu u b’hekk iwarrab darba għal dejjem kwistjonijiet li qabel kienu jifirduna. Dan għandu jkun ta’ sodisfazzjon għalina u ta’ awgurju tajjeb għal li ġej.”
Dan kien parti mid-diskors storiku tal-ewwel President ta’ Malta, Sir Anthony Mamo, lura fl-1974 meta Malta rrevediet il-Kostituzzjoni tagħha u saret Repubblika. Dan wassal biex pajjiżna ma baqax taħt it-tmexxija tar-renju tar-Reġina Eliżabetta II u minflok inħatar l-ewwel President ta’ Malta Repubblika.
Pajjiżna llum iċċelebra t-48 sena anniversarju ta’ Jum ir-Repubblika u din l-okkażjoni tant importanti għall-poplu Malti u Għawdxi se tiġi mfakkra b’diversi attivitajiet organizzati minn Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali flimkien mal-Uffiċċju tal-President.
- Fl-10.00 ta’ filgħodu se ssir il-parata ċerimonjali mill-Forzi Armati ta’ Malta fi Pjazza san Ġorġ, il-Belt Valletta. Għal din il-parata, li saret tradizzjoni f’dan il-Jum, se jattendu l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom Dott. George Vella u l-President ta’ Malta; il-Prim Ministru Robert Abela, kif ukoll persuni distinti oħra.
- Siegħa wara se ssir iċ-ċerimonja tal-investitura u l-għoti tal-midalji fis-Sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta wkoll.
- Imbagħad, fis-1.00 ta’ wara nofsinhar il-President ta’ Malta se jpoġġi kuruna tal-fjuri fuq il-monument ta’ Malta Repubblika fil-Marsa.
- Bħala għeluq taċ-ċelebrazzjonijiet se jsir marċ mill-Banda tas-Soċjetà Filarmonika King’s Own tal-Belt Valletta. Dan se jibda fil-5.30 ta’ filgħaxija u se jsir tul Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta.