Friday, December 13, 2024

Sieħeb ieħor b’saħħtu għas-salvataġġi fil-Mediterran

SOS Humanity se joperaw is-Sea Watch 4

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-salvataġġi ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu mil-Libja lejn l-Ewropa għandhom żvolta ġdida u dan hekk kif l-organizazzjoni Ġermaniża SOS Humanity daħlet hi stess għas-salvataġġi. Dan se tkun qed tagħmlu billi se tkun qed tmexxi l-bastiment ta’ Sea Watch 4. Dan is-servizz se jibda f’Awwissu ta’ din is-sena. Il-bastiment se jingħata l-isem ta’ Humanity 1.

Irid jingħad li l-bastiment Sea Watch 4 kien ġie akkwistat proprju sentejn ilu fuq inizjattiva ta’ United4Rescue u kien immexxi minn Sea Watch.

“Il-fatt li se nkunu qed noperaw is-Sea Watch 4 hu azzjoni ta’ solidarjetà. Din hi azzjoni li permezz tagħha SOS Humanity se tibda l-operazzjonijiet fi żmien qasir u bl-aktar mod mgħaġġel. Kull operazzjoni ta’ salvataġġ li se titwettaq hi sinjal ta’ solidarjetà ma’ dawn in-nies li qed ifittxu ħajja aħjar, u dan għax l-Unjoni Ewropea ilha li warrbet is-salvataġġi”, ididkjara il-Kap Eżekuttiv ta’ Sea Watch, Johannes Bayer.

Hu kompla jgħid li “Sea Watch 4 hu simbolu tal-impenn mis-soċjetà ċivili, liema impenn wassal biex ġew salvati xejn inqas minn 1,700 immigrant. “

SOS Humanity kienu joperaw bħala parti minn network ta’ SOS Mediterranee bejn is-sena 2015 u s-sena 2021. Sa mill-bidu tas-sena 2022, din l-għaqda non-governattiva bdiet topera taħt isem ġdid u kienet qed tfittex bastiment għaliha. 

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ SOS Humanity, Maike Rottger, ilbieraħ iddikjara li “Meta llum qed niċċelebraw Jum l-Ewropa, irridu nenfasizzaw l-appoġġ tagħna lill-persuni li qed jaħarbu minn gwerer u persekuzzjoni. Alleanzi b’saħħithom bħal tagħna hemm bżonnhom b’mod urġenti biex isalvaw l-immigranti li jsibu diffikultajiet f’nofs ta’ baħar. Dan hu bżonjuż għax l-Istati Ewropej ma kinux kapaċi jaqblu bejniethom fuq programm ta’ salvataġġ. Nirringrazzjaw lil Sea Watch li għaddej il-bastiment lilna.”

Il-bastiment Sea Watch 4 kien bastiment ta’ riċerka Ġemaniż u dan kien ġie irkantat sentejn ilu. Dan imbagħad inbidel f’bastiment ta’ salvataġġ u beda jitmexxa mill-organizazzjoni Sea Watch. Il-Knisja Protestanta Ġermaniża kienet ħadet inizjattiva ta’ Crowd Funding taħt it-tema “Se

nibagħtu bastiment”. Din l-alleanza tinkludi xejn inqas minn 830 istituzzjoni, assoċjazzjonijiet, kumpaniji u inizjattivi li jmorru ferm lil hinn mill-Ġermanja. 

Iċ-Ċermen ta’ United4Rescue, Thies Gundlach qal li “Ninsabu kuntenti li dan il-bastiment tagħna se jkun qed ikompli jopera bħala Humanity 1.  SOS Humanity hu sieħeb b’saħħtu. Anki f’dan iż-żmien fejn għaddejja il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, ma rridux ninsew il-bżonnijiet li hemm fil-Baħar Mediterran.  

Maike ottger, id-Direttur Eżekuttiv ta’ SOS Humanity, jikkummenta fuq l-isem u jgħid li “Matul is-sena li għaddiet kien hemm aktar minn 1,500 tifel/tifla, nisa u rġiel li mietu mgħarrqin fil-Mediterran. Dan hu diżastru umanitarju u skandlu politiku. Hu għalhekk li tajna l-isem ta’ Humanity 1, biex tkun dikjarazzjoni ta’ appell għall-politiċi u għaċ-ċittadini Ewropej sabiex ma jaċċettawx li l-imwiet ikomplu jseħħu fil-Mediterran”. 

Ekonomija

Sport