F’Wied Inċita tħawlu diversi siġar fl-okkażjoni tal-ewwel sena ta’ ħidma tal-Climate Action Authority bħala parti mill-impenn tagħha favur l-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà. Matul din l-attività ġie ċċelebrat ukoll il-kontribut ta’ diversi ċittadini Maltin li permezz tal-għażliet tagħhom ta’ kuljum qed jagħtu sehem konkret favur l-ambjent.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Dr Miriam Dalli, iltaqgħet mal-protagonisti tal-kampanja ta’ għarfien ‘Il-Kontribut Tiegħi’, imnedija mill-Climate Action Authority. Il-kampanja tagħti prominenza lil individwi li fid-dar, fix-xogħol, in-negozju jew fil-ħidma volontarja tagħhom jagħtu eżempju billi jirriċiklaw, inaqqsu l-iskart, jużaw apparat effiċjenti fl-enerġija, jagħmlu riċerka innovattiva jew saħansitra jkabbru l-prodotti tal-ikel tagħhom.
“L-azzjoni klimatika tibda minna lkoll, kull deċiżjoni personali tista’ tagħmel differenza. Huwa għalhekk ta’ sodisfazzjon li l-Climate Action Authority, permezz tal-isforzi edukattivi tagħha, qed tippromwovi dawn l-eżempji pożittivi,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Dalli qalet li l-ewwel sena ta’ ħidma tal-awtorità kienet waħda b’saħħitha u produttiva, u li l-progress miksub jagħti bażi soda għal aktar ħidma fil-futur. Hija fakkret ukoll kif l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur Ġenerali, permezz tal-Climate Scanner, riċentement irrikonoxxa dan il-progress. “Dan ir-rapport indipendenti kkonferma li kienet deċiżjoni għaqlija li bħala gvern waqqafna din l-awtorità li hija l-ewwel waħda ta’ dan it-tip fl-Ewropa,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority, l-Inġ. Abigail Cutajar, spjegat li l-kampanja ‘Il-Kontribut Tiegħi’ se tkompli b’mod kontinwu. “Ħafna drabi nassoċjaw l-azzjoni klimatika ma’ gvernijiet jew korporazzjonijiet kbar, imma kull wieħed u waħda minna jista’ jagħti sehmu. Dawn l-istejjer ta’ suċċess għandhom jispiraw lill-oħrajn jagħmlu l-istess,” qalet Cutajar.
Hija żiedet tgħid li l-ħaddiema tal-awtorità, fl-okkażjoni tas-sena mit-twaqqif tagħha, ingħaqdu flimkien biex iħawlu s-siġar f’żona pubblika, bħala azzjoni simbolika u pożittiva. “It-tibdil fil-klima hija sfida kbira li ħadd ma jista’ jaffaċċjaha waħdu. Għalhekk, se nkomplu naħdmu mill-qrib ma’ diversi msieħba fis-soċjetà Maltija biex flimkien inkomplu nimxu ’l quddiem,” temmet tgħid Cutajar.

