Saturday, December 21, 2024

SIĠĠIJIET VAKATI

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Nhar is-17 t’Ottubru li għadda attendejt ma’ diversi nisa oħra attivi fil-politika għall-attività bl-isem ‘Il-Mixja lejn il-vot’ organizzata mill-Għaqda Nisa Laburisti fl-anniversarju tal-75 sena mill-introduzzjoni tal-vot tan-nisa fl-elezzjonijiet ġenerali Maltin. U minkejja li t-taqbida għadha għaddejja kontinwament fejn tidħol il-mara u minkejja l-kritika diversa li minn żmien għal żmien tiġi diskussa dwar miżuri ġodda maħsuba sabiex jassikuraw iktar kontribuzzjoni tan-nisa fil-Parlament, illum xtaqt pjuttost nitkellem dwar il-lat pożittiv tas-suġġett iktar milli l-lat negattiv jew diskutibbli.

Ma niddefinixxix lili nnifsi bħala li nemmen li ċerti nisa ma daħlux fil-Parlament Malti għax kienu nisa.  Lanqas ma nemmen eżattament illi l-poplu Malti ma japprezzax il-ħidma politika tan-nisa kull fejn dawn kienu.  Pjuttost nemmen li l-partiti u l-istituzzjonijiet infushom ma japprezzawx ’in-nisa.  Iżda xorta waħda nqis ruħi bħala favur il-mekkaniżmu korrettiv għas-sempliċi raġuni li d-distakk bejn nisa u rġiel iweġġa’ u jtarrax.

Jista’ jkun illi l-pożizzjoni tiegħi fejn jidħol il-mekkaniżmu korrettiv hekk kif deskritta hawn fuq tista’ tidher konfliġġenti.  Iżda fil-futur qrib żgur li ser niddiskutiha, f’dawn l-artikli hawnhekk, għaliex nemmen li l-mekkaniżmu li ddaħħal indirizza problema li s-sors tagħha mhux il-ġeneru tal-kandidat imma ferm ’il bogħod minn hekk.  Jekk il-pazjent ikollu wġiegħ ta’ ras u t-tabib jaħseb li għandu wġiegħ ta’ dras u jagħtih pilloli li jfejqu kemm l-uġiegħ ta’ ras kif ukoll l-uġiegħ ta’ dras xorta jkun laqat għalkemm bi żball.  L-aqwa li l-uġiegħ ta’ ras ma jibqax hemm.

Però, għal min irid jifhem aħjar il-fehma ‘kumplikata’ tiegħi dwar il-mekkaniżmu korrettiv, se jkollu jistenna. 

Illum iddeċidejt li f’din l-okkażjoni pjuttost inkun pożittiva milli kritika.

U ddeċidejt illi nitkellem dwar il-fatt illi parti min-nuqqas ta’ nisa fil-Parlament Malti ġie proprju mill-abbiltà kbira tagħhom li wasslithom biex iħallu s-siġġu vojt li okkupaw għal karigi ogħla.

Fil-fatt in-numru jew persentaġġ ta’ nisa kien qed jonqos mhux biss għax forsi ma kienx hemm biżżejjed nisa eletti minn barra fl-elezzjonijiet jew għax ma kienx hemm biżżejjed kandidati imma wkoll għax ċerti nisa li ġew eletti mhux talli baqgħu hemm, imma talli ħadu karigi oħra jew imxew minn post għall-ieħor bla ma abbandunaw il-politika.

Tikteb Lorna Vassallo

Fost dawn nistgħu nsemmu lil Agatha Barbara stess li minn Membru Parlamentari saret Ministru u wara President tar-Repubblika.  Dan wassal sabiex jitħalla siġġu vojt fil-Parlament.  L-istess ġara fil-każ ta’ Marie Louise Coleiro illi minn Deputat Parlamentari f’qasir żmien saret Ministru u wara President tar-Repubblika. 

B’mod differenti l-Onorevoli Helena Dalli li minn Membru Parlamentari Malti ġiet magħżula sabiex isservi bħala Kummissarju Ewropew. 

Każ ieħor interessanti kien dak ta’ Miriam Dalli li minn Membru Parlamentari Ewropew daħlet fil-Parlament Malti u għalhekk filwaqt li żdied siġġu naħa, naqas ieħor naħa oħra.  L-istess jista’ jingħad fil-Partit Nazzjonalista fejn Therese Comodini Cachia minn Membru Parlamentari Ewropew spiċċat Membru Parlamentari Malta. 

Każ ieħor li ta’ min isemmi huwa l-każ ta’ Roberta Metsola Tedesco Triccas li s-suċċess politiku tagħha barra minn xtutna żgura li ma tiġix lura lejn il-Parlament Malti u bir-raġun.

Diversi nisa oħra telgħu għal diversi drabi fil-Parlament u baqgħu hemm mingħajr ebda kontroversji eċċessivi. Fost dawn insibu lil Dolores Cristina u Helena D’Amato.  Iktar qabel kien hemm anke Evelyn Bonaci.

Ta’ min isemmi wkoll is-suċċess ta’ Myriam Spiteri Debono illi għalkemm ma ġietx eletta xorta waħda baqgħet imfakkra bħala l-ewwel u l-unika Speaker femminili tal-Kamra tad-Deputati.

Diversi nisa ta’ suċċess oħra, iddeċidew huma stess li jitilqu mill-politika waqt li kienu fil-kariga jew meta kien għadhom jiġu eletti għal diversi raġunijiet bħal Marthese Portelli. 

Għalkemm ċerti kontroversji ma naqsux u xi nisa kellhom iċedu posthom għal dawn ir-raġunijiet ukoll, jidher ċar li l-konsistenza, id-determinazzjoni u l-ħidma sfiqa tan-nisa li telgħu dejjem issarrfet fit-tieni u t-tielet elezzjoni ġaladarba telgħu.  Anzi, kif għedt fuq, ġieli ssarrfet ukoll f’siġġu vojt sforz l-istess suċċess. 

Dan juri wkoll illi l-ikbar sfida għan-nisa mhix li żżomm postok u terġa’ tikseb il-fiduċja tal-poplu u tal-partit u l-Prim Ministru wara li titla’ imma sakemm titla’.  Kif dejjem sħaqt: id-differenza bejn irġiel u nisa fis-soċjetà tal-lum hija li r-raġel jiġi fdat qabel ma jirnexxi, il-mara tiġi fdata biss wara li tirnexxi.

U nħoss ukoll illi, kif għedt hawn fuq, iktar milli mill-elettorat, mill-istituzzjonijiet.  Kieku Dom Mintoff ma tax spazju lil Agatha Barbara f’dawk iż-żmenijiet, żgur li s-soċjetà ma kienx ikollha l-opportunità tapprezza l-kwalitajiet tajba tagħha fit-tmexxija. L-istess japplika għal, pereżempju, Marie Louise Coleiro li nistgħu ngħidu li ngħatat l-ewwel opportunità tagħha mill-istess Prim Ministru. L-ewwel fiduċja fin-nisa u l-ewwel pass sabiex in-nisa jiġu inklużi ma jistax ikun mill-poplu imma mill-Partit.  U l-inklużjoni tan-nisa ma tridx tkun waħda taparsi imma ta’ veru.  U anke l-fiduċja li juri.  Ma tistax tkun sempliċement waħda finta imma waħda ġenwina.

Ġaladarba n-nisa tħallew jirnexxu, allura rnexxew u bil-kbir tant li nagħtaw promozzjonijiet. Dan stess wassal għal ftit siġġijiet fil-Parlament li kienu okkupati min-nisa sabiex jonqsu minflok jiżdiedu.

Ta’ min jirrimarka wkoll illi hija ħasra illi kull darba li siġġu ġie vakat minn mara, wara mtela minn raġel, mhux minn mara oħra – kemm jekk bil-mekkaniżmu tal-by-election (fejn il-partit għandu kontroll iżda limitat  għalkemm xorta jista’ jipprevedi r-riżultat) kif ukoll bil-mekkaniżmu tal-co-option (fejn il-partit jagħżel iktar arbitrarjament).

Barra minn hekk, in-nisa fil-politika u anke fis-soċjetà, minn diversi stħarriġiet li saru kemm fl-Ewropa kif ukoll f’sistemi politiċi differenti fid-dinja jidher li huma inqas korrotti.  Normalment jieħdu aktar in konsiderazzjoni s-sostennibiltà u l-ambjent fid-deċiżjonijiet tagħhom.  Apparti hekk parlamenti b’ħafna nisa bħall-Isvezja, il-Finlandja u d-Danimarka normalment igawdu suċċess ekonomiku kbir u servizzi soċjali tajba.  

Dejjem nisħaq li l-ikbar problema tan-nisa hija li b’mod ġenerali s-soċjetà u l-istituzzjonijiet (u cioè rġiel fil-poter) iħarsu b’mod xettiku lejhom u jġegħluhom wisq jippruvaw il-ħiliet tagħhom qabel ma jagħtuhom l-opportunità.  Fil-każ tal-mara l-ewwel inħarsu lejn il-faċċata tal-ktieb flok lejn il-ktieb u nassumu li mhix kapaċi.  Dan meta, fl-istess waqt, fil-każ tar-raġel, ħafna drabi nassumu li hu kapaċi.

Iżda jibqa’ l-fatt li minn dawk in-nies li fil-fatt ngħataw l-opportunità li jirnexxu, huwa verament persentaġġ żgħir li ma komplewx fi triqthom ’il quddiem tant li wħud saħansitra telgħu l-iskaluna li jmiss u vvakaw posthom.  Ħadd ma jista’ jxejjen il-fatt li minn numru ta’ Ministri li tgħoddhom fuq il-pala ta’ jdejk, tnejn saru Presidenti tar-Repubblika u waħda Kummissarju Ewropew.  Apparti President tal-Parlament Ewropew.  

Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa.

Ekonomija

Sport