Tuesday, September 2, 2025

SiGMA- AVVENIMENT TA’ SINIFIKAT KBIR

Aqra wkoll

F’dawn il-jiem se jkun qiegħed jerġa’ jittella’ f’pajjiżna wieħed mill-akbar avveninementi internazzjonali fil-qasam tat-teknoloġija avvanzata tal-iGaming – is-SiGMA Euro-Med 2025. B’aktar minn 12,000 rappreżentanti li mistennija jattendu għal din il-konferenza u bil-parteċipazzjoni ta’ ’l fuq minn 400 eżebitur, l-edizzjoni ta’ din is-sena ċertament li se tkun qiegħda tiżboq kull aspettattiva f’dan il-qasam. 

Fuq kollox, il-fatt li Expo ta’ din ix-xorta, li hija waħda mill-akbar avvvenimenti li jiġu organizzati fl-industrija tal-gaming minn madwar id-dinja kollha, għal darba oħra se ssir f’pajjiżna, turi kemm Malta qed isservi wkoll ta’ ċentru ta’ eċċellenza f’din l-industrija. 

Barra minn hekk, hi xhieda wkoll tal-fiduċja li l-kumpaniji tal-gaming għandhom f’pajjiżna. U dan kollu jirrifletti kemm il-biża’ li jippruvaw inisslu jew il-kritika li xi wħud jagħmlu illi dan is-settur qiegħed imajna jew li l-kumpaniji qegħdin jitilqu minn pajjiżna huwa għal kollox fittizzju.

Madankollu, hemm xi ħsibijiet li ma jistgħux jiġu aljenati. Il-fatt li se jerġa’ jittella’ avveniment ta’ din il-portata f’pajjiżna, jirrikjedi li jkun hemm pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku f’dawk iż-żoni partikolari fejn se jsir l-avveniment. F’dan ir-rigward, ma nistgħux ninsew li kien hemm kritika fl-edizzjonijiet passati. 

Huwa għalhekk li ninnutaw pożittivament li Transport Malta fasslet pakkett komprensiv ta’ miżuri ta’ immaniġġjar ta’ traffiku biex tilqa’ għall-volum u l-konġestjoni ta’ traffiku li avveniment ta’ dan il-kobor iġib miegħu f’arterji ewlenin ta’ Malta. Dan se jkun qed isir bi preżenza akbar ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta – madwar 100 uffiċjal fi tlitt ijiem – ammont ta’ muturi għal patrolling, l-użu ta’ drones bħala parti mis-sorveljanza u anka żoni ta’ drop-off u pick-up speċifiċi, kollha mmarkati b’kuluri fuq l-art u b’sinjali viżibbli.

Mill-banda l-oħra, il-vetturi bil-Y plates (chauffeur cars) ma jistgħux iwaqqfu n-nies fin-nofs tat-triq. Għalhekk, Transport Malta ħejjiet mappa apposta b’żoni fejn dawn jistgħu joperaw. Nittamaw għalhekk li dawn il-miżuri jħallu l-effett mixtieq u b’hekk jonqos l-inkonvenjent għas-sewwieqa li jgħaddu minn dawk l-akwati. 

Irridu nżommu f’moħħna wkoll li SiGMA tibqa’ importanti u tiġġenera attività ekonomika kbira fil-pajjiż. Fl-istess waqt, dan is-settur jirrifletti għalhekk il-politika mħaddma mill-Gvern biex jiġbed aktar investiment ta’ kwalità lejn pajjiżna li permezz tiegħu mhux biss jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ karrieri ta’ kwalità imma wkoll tkompli tissaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna sabiex b’hekk ikomplu jiġu sostnuti l-familji u n-negozji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport