Wednesday, August 20, 2025

Sigurtà vera li sserraħ fuq is-sliem

Aqra wkoll

Għajnejn id-dinja bħalissa huma mitfugħa fuq x’qed jiġri, jew aħjar x’jista’ jiġri biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna. Gwerra li kawża tagħha bosta ekonomiji sabu ruħhom fi kważi kaos sħiħ, l-iktar minħabba l-prezz u l-provvista tal-enerġija. Id-diplomazija bħalissa iżda mhix irrankata fuq l-ekonomija imma fuq kif se tintemm il-gwerra, fuq il-garanziji għas-sigurtà tal-Ukrajna u s-sigurtà Ewropea.

Huwa propju għalhekk li għadd ta’ mexxejja Ewropej nhar it-Tnejn li għadda ġrew lejn l-Istati Uniti biex jitħadtu mal-President Amerikan Donald Trump, dwar l-aħjar triq biex tintemm il-gwerra tal-Ukrajna, gwerra fuq l-għatba tal-Ewropa.

Dan kollu, aħna narawh bħala tentattiv pożittiv lejn il-kisba tal-paċi. Pajjiżna dejjem emmen u ħaddan attivament il-prinċipju li l-kunflitti u l-gwerer ma jinħallux bl-użu tal-forza militari jew bil-bumbardamenti bla ħniena, imma jintemmu bi djalogu ġust u b’negozjati reċiproċi ġenwini. Kulħadd jaf kemm dan il-prinċipju pajjiżna xerrdu kemm felaħ mal-erbat irjieħ.

Ma nistgħux lanqas inwarrbu l-fatt li kunflitt, aktar iva milli le, iwassal għal ħolqien ta’ kunflitti u gwerer oħra. Mhux hekk ġara fil-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas meta fil-kunflitt indaħlu wkoll ir-ribelli Houti tal-Yemen li attakkaw bastimenti kummerċjali fil-Baħar l-Aħmar? Dan għamluh, kif qalu huma, b’appoġġ għall-poplu Palestinjan.

Fid-dinja tal-lum, hawn wisq kunflitti u gwerer. Kważi f’kull reġjun hemm xi forma ta’ ġlied li qed iħalli warajh distruzzjoni, devastazzjoni u qtil ta’ nies innoċenti, nisa, anzjani u tfal. Saħansitra anki qtil ta’ nies fil-kju jistennew l-ikel. Hekk qed jiġri fil-Lvant Nofsani, propjament f’Gaża u dan kollu huwa xiehda tipika tal-ġenoċidju li qed iseħħ hemmhekk. Ġenoċidju mibni fuq il-mibgħeda ta’ razza u ta’ poplu.

Quddiem dan ix-xenarju tal-biża’, l-organizzazzjoni tal-ġnus, li oriġinarjament twieldet wara t-Tieni Gwerra Dinjija biex ma jkun hawn gwerer imkien, bħal donnha tilfet snienha u saret organizazzjoni impotenti.

U dan nistqarruh għaliex minkejja l-għadd ta’ riżoluzzjonijiet u l-għadd ta’ kundanni kemm fl-Assemblea Ġenerali u kemm fil-Kunsill tas-Sigurtà, il-gwerra fl-Ukrajna bl-invażjoni Russa għadha għaddejja, kif għadha għaddejja wkoll il-gwerra f’Gaża.

Nittamaw li l-inizjattivi li qed jittieħdu u t-tentattivi diplomatiċi li qed isiru bħalissa sabiex itemmu l-kunflitt fl-Ukrajna jimmaterjalizzaw u jwasslu għall-għanijiet mixtieqa, jekk verament dawk kollha involuti jemmnu fil-paċi dejjiema. Dan is-sentiment ngħodduh ukoll għall-gwerra tal-Lvant Nofsani f’Gaża.

Il-kisba tal-paċi fiż-żewġ kunflitti almenu għalissa tidher li għadha ’l bogħod, imma nemmnu li dan mhuwiex ostaklu li ma jistax jiġi megħlub. B’aktar kuraġġ u b’aktar diplomazija razzjonali li jistgħu jintlaħqu l-għanijiet li bħalissa qed issir ħidma internazzjonali dwarhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport