Nisimgħu ħafna diskorsi f’diversi okkażjonijiet matul is-sena dwar kemm hi sabiħa l-għaqda u l-bżonn li naprezzaw lil xulxin fost ħafna kliem fieraħ ieħor li fil-verità hija xi ħaġa impossibbli li kulħadd jgħix fuq dan l-eżempju. Minkejja dan agħar minn hekk jiġri meta min ikun qiegħed jipprietka dwar dan l-eżempju ta’ ħajja tajba lejn aktar pożittività jispiċċa jgħix kompletament stil ta’ ħajja bl-oppost ta’ dak li jista’ jkun ideali.
Fl-aħħar ġimgħat u anke xhur il-midja tal-Partit Nazzjonalista, f’diversi intervisti anke mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, attakkat lill-Partit Laburista u pruvat tagħti x’tifhem li l-gvern għandu problema minħabba li hemm firdiet bejn dawk li jappartjenu fih. M’aħniex se nidħlu fil-mertu ta’ jekk dak li seħħ fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Ħamrun il-Ħadd li għadda kienx riżultat ta’ firda bejn Grech u Delia, iżda nemmnu li hija tal-mistħija li jkollok persuni li jaġixxu b’mod vjolenti minħabba dak li seta’ kien biss nuqqas ta’ ftehim fil-ħsieb. Aħna kontra kull forma ta’ vjolenza. Ktibna kemm-il darba kontra dan l-aġir misħut. Kemm jekk dik domestika, kemm jekk f’kunflitti internazzjonali u anke forom ta’ vjolenza oħra bħalma hija dik morali fejn persuna tispiċċa mwaqqa’ għaż-żuffjett jew saħansitra mhedda minħabba żbalji ġenwini minħabba dawk li jqisu rwieħhom bħala cowboys f’soċjetà fejn minn wara l-keyboard kulħadd sar iħossu superpotenti.
Iżda hija aktar tal-mistħija jekk dak li qiegħed jiġi rappurtat huwa minnu u dan ifisser li jekk ir-raġel li sofra ġrieħi li mistennija jieħdu ġimgħat sħaħ, spiċċa f’dik is-sitwazzjoni minħabba persuni bl-istess fehma politika tiegħu.
Nemmnu wkoll li dak l-istess episodju juri paragun ieħor fejn filwaqt li Grech ilu f’diversi okkażjonijiet jattakka lill-gvern li issa tilef kull kontroll, u li jeħtieġ li l-Partit Nazzjonalista jkun il-gvern alternattiv u li għalhekk huwa qiegħed jinżel man-nies u jisma’ l-karbiet tagħhom, għandek barman li skont mart il-vittma ma riedx idaħħal il-Kap tal-partit tagħhom minħabba li dan naqas milli jżur il-każin għal madwar sentejn. Dan juri stampa differenti ferm mir-ritratti li minn żmien għal żmien jitilgħu fuq il-paġni tal-partit jew ta’ Grech stess fejn dan tal-aħħar jinqabad jippoża jiddiskuti man-nies fit-toroq.
Lil hinn mill-aħmar u l-blu, lil hinn minn min ikun qiegħed fit-tmun tagħhom nemmnu li r-rispett għandu jkun minn u lejn kulħadd. Nemmnu li dak għandu jkun l-għan li jwassal għal politika mmexxija minn gvern li ma jagħlaqx bibien lil dawk li setgħu kienu ta’ fehma differenti f’xi perjodu jew ieħor għax wara kollox id-demokrazija tagħtina lok li nesprimu l-opinjonijiet tagħna u naħdmu biex dawn jinstemgħu.
Hawnhekk ukoll nemmnu li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista naqas. Mhux talli għadu ma ġiex fdat biex ikun il-mexxej tan-nazzjon, iżda talli mill-Oppożizzjoni għażel li partitarju, li ħareġ għonqu għalih u spiċċa ferut, iħallih imur waħdu għall-kura u issa li għaddew aktar minn 48 siegħa mill-akkadut, Grech u l-Partit Nazzjonalista għadhom fommhom sieket, bla reazzjoni fuq dak li seħħ. Tajjeb li niftakru li f’mument meta l-pajjiż kien qiegħed jitkellem dwar id-deċiżjoni tal-inkjesta pubblika Jean Paul Sofia, Grech ħareġ għal iktar minn darba fl-istess ġimgħa jisħaq li kieku jkun hu fit-tmun tal-pajjiż ma jħalli lil ħadd fl-għama. Nqisu li hija pjuttost ironika li fuq sempliċi allegat argument f’każin Grech ma kienx kapaċi jiċċara dwar l-episodju u jillumina lil kulħadd, għax fl-aħħar mill-aħħar dak li jiġri pajjiżna mhux tal-Laburisti jew tan-Nazzjonalisti, iżda ta’ kulħadd u kulħadd jixraqlu jkun aġġornat bil-verità.