Saturday, December 21, 2024

Silvio Parnis: Inserraħ ras l-anzjani li aħna nafu x’qegħdin nagħmlu

Aqra wkoll

Il-Parlament ilaqqa’ s-seba’ sessjoni tal-Parlament tan-Nanniet

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità qal li l-pandemija tal-Covid-19 mhix sfida politika imma xi ħaġa nazzjonali. “Din mhix ċajta jew xi pandemija li nistgħu nirbħuha b’xi gwadann politiku. Inserraħ ras l-anzjani li aħna nafu x’qegħdin nagħmlu,” qal Parnis filwaqt li appella għar-responsabbiltà x’wieħed jikteb fuq il-midja soċjali biex ma jkunx hemm lok ta’ allarm fost in-nies. Parnis qal li l-anzjani tagħna taw kontribut kbir fis-soċjetà u li jekk naħdmu flimkien b’għan wieħed se nirbħu l-isfida li għandna.

Huwa qal dan matul is-seba’ laqgħa tal-Parlament tan-Nanniet 2020 fejn minħabba l-pandemija, din is-sena bosta mill-kelliema ltaqgħu b’mod virtwali.

Fost id-diskussjonijiet li saru matul din is-sessjoni, issemmiet il-ħtieġa li jitwaqqaf Jum Ewropej tan-nanniet, l-importanza tan-nanniet li jieħdu sehem u ħsieb saħħithom, l-użu tajjeb tat-tekonoloġija, is-sehem tan-nanniet fis-soċjetà u l-impatt tal-pandemija tal-Covid-19 fuq l-anzjani u n-nanniet.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia mexxa din il-laqgħa fejn fil-kelmtejn li għamel, huwa tkellem dwar il-kollaborazzjoni bejn il-Parlament ta’ Malta u Fondazzjoni Nanniet Malta, Fondazzjoni li twaqqfet proprju seba’ snin ilu u tiġbor fiha n-nanniet tal-gżejjer Maltin. L-Ispeaker qal li sa mill-bidu nett il-Parlament Malti kien għaraf l-importanza ta’ din il-Fondazzjoni tant li ftit xhur wara l-Parlament kien approva unanimament riżoluzzjoni fejn twaqqaf il-Jum tan-nanniet li jiġi ċċelebrat kull tieni Ħadd tax-xahar t’Ottubru.

L-Ispeaker semma kif f’dawn l-aħħar snin bdejna nitkellmu dwar l-importanza tal-anzjanità attiva u qal li huwa persważ li fil-maġġoranza tagħhom in-nanniet anzjani huma attivi anke fis-sehem tat-trobbija tan-neputijiet tagħhom. Rigward l-edukazzjoni ta’ ulied uliedhom, l-Ispeaker qal li huwa importanti li n-nanniet jifhmu li l-ewwel edukaturi tan-neputijiet huma l-ġenituri u allura s-sehem tan-nanniet huwa li jgħinu u jikkontribwixxu lil uliedhom fit-trobbija ta’ ulied uliedhom.

Tkellem ukoll dwar it-talba tan-nanniet għal visitation rights, li tirriżulta minn tilwim fil-familja. Waqt li kulħadd għandu jkun responsabbli ta’ għemilu, it-tfal m’għandhom qatt jintużaw bħala mezz ta’ piki jew ras iebsa. Jekk isir dan, inkunu qed inżiedu l-uġigħ lill-ulied, b’dannu għall-formazzjoni tagħhom. 

L-Ispeaker tkellem ukoll dwar ir-realtà partikolari ħafna li qed ngħixu minħabba l-pandemija tal-Covid-19 fejn sostna li minkejja li s-sitwazzjoni hija waħda diffiċli, għandna naffrontawha bil-kura u nagħmlu kuraġġ lill-anzjani. L-Ispeaker qal li l-anzjani għandhom jieħdu ħsieb l-iġjene tagħhom, jagħmlu użu mill-maskri u josservaw id-distanza soċjali. Huwa wkoll kellu kliem ta’ ringrazzjament lill-anzjani tas-sagrifiċċju li għamlu u li qed jagħmlu u tenna l-importanza li għandhom jibqgħu kemm jista’ jkun ġewwa fl-interess tagħhom, ta’ uliedhom u tan-neputijiet tagħhom.

Fl-intervent tiegħu, il-President Fundatur tal-Fondazzjoni Nanniet Malta, Philip Chircop ukoll semma’ kif is-sitwazzjoni tal-pandemija qed taffettwa lill-anzjani. “Seba’ xhur ilu ġejna ddikjarati vulnerabbli minħabba l-età. Hija xi ħaġa ta’ niket u sogħba kbira li llum aktar minn qatt qabel qed nassistu l-imwiet tal-anzjani. Żgur li dawn ma marrux jiċċelebraw f’postijiet ta’ divertiment jew f’postijiet fejn żgħażagħ jiltaqgħu fil-gruppi fejn xi kultant mhux qed jiġu osservati l-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa. Żgur li ma mornix nieħdu sehem fil-beach parties li marru l-barranin,” qal Chircop filwaqt li ħeġġeġ biex wieħed ma jbiddilx is-sitwazzjoni f’waħda partiġġjana.

Dr Cachia: Ma nistgħux nabbandunaw lill-anzjani weħidhom

Mill-bidu tal-pandemija tal-Covid-19, l-anzjani u n-nanniet tagħna kellhom jaffrontaw sitwazzjoni diffiċli li qanqlet diffikultajiet emozzjonali, inċertezza, solitudni, biża’ u stress. Fl-intervent tiegħu, il-Kummissarju dwar is-saħħa mentali John Cachia tkellem dwar is-saħħa mentali f’dawn iż-żminijiet diffiċli, id-distinzjoni bejn vulnerabilità u dgħufija filwaqt li għamel xi rakkomandazzjonijiet fejn fost l-oħrajn sostna li hemm bżonn li tinqabad mill-ġdid il-kwistjoni ta’ teleworking u remote working, kif ukoll il-flessibiltà fuq il-post tax-xogħol, fuq il-ġenituri, u fil-qasam edukattiv.

Cachia qal li waħda mill-miżuri importanti hija li nipproteġu s-saħħa fiżika tagħna għax din hija importanti wkoll għas-saħħa mentali tal-persuna u appella għall-użu tajjeb tal-maskri matul il-ġurnata fejn wieħed ikun f’kuntatt man-nies. Cachia sostna li ma nistgħux nabbandunaw lill-anzjani weħidhom u għalhekk għandhom jinstabu soluzzjonijiet biex l-anzjani jibqgħu integrati mal-ġenerazzjonijiet l-oħra.

B’relazzjoni mal-pandemija, huwa rrakkomanda biex wieħed jara informazzjoni affidabbli għaliex hemm wisq komunikazzjoni mhux ġusta minn paġni ta’ midja soċjali li qed tikkawża l-ansjetà fost l-anzjani. Huwa ħeġġeġ biex l-anzjani jaħsbu fl-affarijiet sbieħ li rnexxielhom jagħmlu, jifhmu li lkoll għandna l-ħsibijiet u l-motivazzjonijiet tagħna, iżommu l-passatemp li jħobbu, jitgħallmu affarijiet ġodda u jżommu sens ta’ umoriżmu, fost affarijiet oħra. Huwa importanti wkoll li l-anzjani jżommu ruħhom attivi kemm fiżikament kif ukoll mentalment, isegwu dieta tajba, jieħdu ħsieb li jorqdu mod suffiċjenti, iżommu kuntatt mal-familja tagħhom u jgħaddu l-ħin tagħhom mal-persuni li l-aktar iħobbu, fost oħrajn.

Fl-intervent tagħha, il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca qalet li n-nanniet huma importanti ħafna fil-ħajja tat-tfal. Hija elenkat numru ta’ aspetti li jeħtieġ li wieħed jagħmilhom taħt il-lenti, fosthom il-kwistjoni tal-faqar fost l-anzjani tagħna fejn irreferiet għal statistika riċenti li turi li għandna kważi 28 % tal-anzjani li huma fir-riskju tal-faqar. Coleiro Preca qalet li sfortunatament il-pandemija ġabet faqar ġdid fejn resqithom lejn ċirkostanzi fejn huma f’riskju ta’ faqar.

Hija wkoll tkellmet dwar il-kwistjoni fejn familja tkun tkissret u l-aċċess tan-nanniet għan-neputijiet. Hija appellat biex jekk għandna preċedent u hemm mudelli lil hinn minn xtutna li għandhom provedimenti ta’ din ix-xorta, għandna narawhom.

Coleiro Preca tkelmet ukoll fuq il-kwistjoni tal-abbuż fuq l-anzjani li hija xi ħaġa reali u sostniet li għandna naħdmu aktar fuq il-prevenzjoni. Fl-aħħar nett, semmiet il-kwistjoni tal-vjolenza fuq l-anzjani fejn irridu naraw xi prekawzjonijiet irridu nieħdu biex nevitaw dawn l-affarijiet.

Fl-intervent tiegħu l-Membru Parlamentari Jean Claude Micallef tkellem dwar il-fatt li fir-realtà tal-lum in-nanniet m’għadhomx biss dawk tradizzjonali li wieħed jassoċjahom ma’ persuna xwejħa għax għandek realtà ukoll li xi nanniet ikollhom madwar l-40 sena, filwaqt li aċċenna għar-realtà ġdida oħra tan-nanniet mhux naturali. Huwa tkellem ukoll dwar il-valuri mgħoddija bejn iż-żewġ ġenerazzjonijiet u qal li l-valur skambjat bejn in-nanniet u n-neputijiet huwa konsistenti tul il-ħajja li jtejjeb soċjetà sħiħa.

Ekonomija

Sport