Simon Spiteri (St. Patrick’s AC) u Rachel Lee Borg (Pembroke Athleta) rebħu l-ħames edizzjoni tat-tellieqa popolari Eurosport Safi 5k.
Aktar minn 350 atleta ta’ etajiet u ħiliet sportivi differenti nġabru għal tellieqa oħra ta’ suċċess li għaddiet lill-atleti minn rotta b’xenarju mill-isbaħ f’għodwa sabiħa tal-Ħarifa lbieraħ filgħodu.
It-tellieqa tal-irġiel kienet waħda mill-aktar eċitanti bi tliet atleti jissieltu sal-aħħar għall-ewwel pożizzjoni. Finalment, kien Simon Spiteri li daħal l-ewwel f’ħin b’saħħtu ta’ 15:53, quddiem Aaron Mifsud ta’ Mellieħa li daħal żewġ sekondi wara. Aidan Tanti ta’ Evolve spiċċa fit-tielet post, fejn huwa wkoll irnexxilu jidħol f’ħin ta’ anqas minn 16-il minuta.
Fost in-nisa, Rachel Lee Borg iddominat it-tellieqa fejn temmet il-perkors ta’ 5km f’ħin ta’ 18:52, quddiem l-atleta veterana Carmen Hili u Gabriella Debono li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
F’tellieqa ta’ kilometru riservata għat-tfal, Isaac Luca Scicluna daħal l-ewwel fil-kategorija 11-13-il sena, filwaqt li Sara Giordano-Imbroll kienet l-aktar tfajla veloċi. Noah Haber kien l-ewwel tifel fil-grupp 8-10 snin, filwaqt li Leah Frendo kienet l-ewwel tifla. Numru ta’ tfal iżgħar ingħaqdu f’din iċ-ċelebrazzjoni sportiva f’tellieqa mhux kompetittiva biex b’hekk ingħalqet b’suċċess din l-attività.
Dan l-avveniment kien appoġjat minn Eurosport, Go and Fun u Protein Malta.