Wednesday, December 25, 2024

“Simone kienet iddur u tagħmel l-affarijiet aħjar għal kulħadd”

Apprezzament lil Simone Buhagiar minn Dott. Mark Xuereb

Aqra wkoll

Kieku kien hemm assoċjazzjoni għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa l-aktar kompassjonali, altruwisti u maħbubin, allura Simone bla dubju ta’ xejn tul ħajjitha kienet tkun il-president tagħha. Simone kienet akbar mill-ħajja, iżda mhux b’mod espansiv.

Umli, diskreta u b’tattika liema bħalha, kienet iddur u tagħmel l-affarijiet aħjar għal kulħadd. Kont taf li dejjem tista’ tistrieħ fuq din l-infermiera intelliġenti u kkulurita li kienet tħobb u tikkollezzjona l-kokki u l-fkieren. Bħala professjonista ddedikata, għallmitni “it-tricks” tas-sengħa fil-kurituri tal-Isptar San Luqa: it-teħid tad-demm, liema professur għandi nkellem waqt ir-rounds tas-swali u anke liema klinika kienet tagħmel l-aqwa espresso. Jien kont inħobbha l-aktar għax kienet tħallini nitlaq kmieni ħalli mmur sal-gym.

Simone kienet involuta ħafna fit-twaqqif tal-assoċjazzjoni lokali tat-Talassemija, peress li hija stess batiet minn din il-marda. Il-marda tagħha kienet teħtieġ ħafna viżti u kura fl-isptar biex issaħħaħ id-demm u intervent biex neħħiet il-milsa. Minn età żgħira Simone kienet taf x’inhija t-tbatija. Madankollu, hija kienet kuraġġjuża u ma kinitx taqa’ qalbha.

Armata b’qalb tad-deheb u tbissima radjanti, Simone minn dejjem rat li tilħaq lil dawk fi kriżi – kemm fiżiċi, kif ukoll psikoloġiċi. Niftakar għadd ta’ okkażjonijiet meta marret lil hinn mis-sejħa tad-dmir tagħha. Darba saqet it-triq kollha lejn l-isptar f’nofs ta’ lejl biex tikseb fluwidi għal pazjent xurban. Hija kienet tiżgura li pazjenti bi ħsibijiet suwiċida u abbużati eskortati mill-Pulizija għall-Crisis Team, ikunu siguri u aħjar qabel titlaq billi tagħtihom pariri waqt li tixrob magħhom mochaccino. F’okkażjoni oħra hija żammet id mara li kienet imsawwta mis-sieħeb tagħha u litteralment irrifjutat li tħalliha waħidha sakemm il-vittma raqdet. Il-missjoni tagħha kienet li tfejjaq. Il-motto tagħha kien li tkun ta’ kompassjoni. Insistiet li tgħin lill-magħkusin fit-tbatija tagħhom.

Simone għenitni wkoll nintroduċi trattament ġdid lokalment li ntlaqa’ b’ħafna xettiċiżmu mill-kollegi. Flimkien mal-kollega – il-maniġer tal-klinika Michela Mifsud – huma waħedhom irrevoluzzjonaw il-mod kif naraw u nittrattaw il-persuni li jsofru b’mard mentali. Dawn it-tnejn kienu indistruttibbli. Huma kkuraw kjuwijiet twal ta’ pazjenti batuti, xi kultant sas-2.00 am, filwaqt li wieġbu b’qalbhom l-ammont kbir ta’ mistoqsijiet relatati ma’ din it-teknoloġija ġdida. Simone vvjaġġat magħna lejn Londra fejn dawn in-nisa tħarrġu mal-pijunieri fil-qasam u saru l-ewwel (u l-aħjar) amministraturi tat-TMS fin-Nofsinhar tal-Ewropa.

Hija ħadet din l-isfida bi ħġarha u għenet biex il-klinika tkun ta’ suċċess immedjat sal-lum stess. Dejjem leali, Simon dejjem kont issibha hemm għalik. Moħħha dejjem kien joħroġ b’ideat ġodda biex ittejjeb is-servizz. Bħala persuna li kważi qatt ma kienet issib ħin biex tistrieħ jew torqod, Simone anke f’nofs ta’ lejl kienet tibgħat emails u informazzjoni ħalli tgħin lill-oħrajn. Hija kienet mara affidabbli u persuna li tassew tat mill-qalb. It-tbissima, il-mogħdrija u l-imħabba tagħha għaqdu lil dawk li saru jafuha. L-ebda pazjent ma kien joħroġ mill-klinika mingħajr tbissima wara li kien jara lil Simone. Ma’ Michela, hija kienet teċċella fiċ-ċajt fuq il-psikjatri. Tant kellha rispett kbir lejn il-proxxmu li kienet iġġorr toothpaste, mouthwash u fwieħa biex waqt li kienet tkun xogħol, ħadd ma kien ixommha li tpejjep – l-unika vizzju żgħir li kellha.

Simone mbagħad mardet. Ma kinitx ta’ sorpriża li rajnieha tiffaċċja din il-kriżi tagħha b’dinjità. Hija baqgħet kompassjonali u altruwista sa l-aħħar nett. F’dawn l-aħħar sitt xhur hija bierket lil ħafna nies bl-imħabba tagħha u dan minkejja li kienet ipparalizzata minn żaqqha ’l isfel. Il-kuraġġ li kellha din il-mara u l-umiltà li biha ffaċċjat l-uġigħ u l-mard tagħha, huwa eżemplari. Qatt, qatt u qatt ma ddisprat minħabba l-biżgħa li tnikket lill-familja sabiħa tagħha. Il-fidi tagħha f’Alla kienet bla preċedent u ta’ kuljum kienet titlob għal min huwa fil-bżonn. Simone dejjem kienet tinsisti li tkun taf il-kundizzjoni tal-pazjenti qabel jien kien ikolli ċans nistaqsiha kif qiegħda tħossha hija. 

Simone kienet taf tħobb u kienet taf li t-tbatija għall-oħrajn hija l-aktar forma nobbli ta’ mħabba. Hija kienet tħobb il-familja mill-isbaħ tagħha u dan b’mod speċjali lin-neputijiet brillanti li kellha. Hija kienet nanna “super cool” qisha tifla żgħira tilgħab ma’ Sam u Kai li kienu jieħdu tant gost kull meta n-nanna kienet fid-dar. Fuq is-sodda tal-onkoloġija hija dejjem kienet tgħannaq lil ‘Owli’, soft toy tal-kokka li kienet tatha oħtha ż-żgħira Sabrina, li wkoll ħallietna. Barra minnhekk Simone kienet ħasset bil-kbir it-telfa riċenti ta’ missierha li tant kien bniedem ferrieħi u maħbub.

Żewġha Ray, infermier b’esperjenza twila u ġentlom, bintha ddedikata u tqila Serena, flimkien mal-mamà fraġli, l-aħwa u l-qraba kollha li jħobbuha, kienu jirrifjutaw li jħallu lil Simone waħidha u dan għal sekonda biss. L-imħabba u l-kura f’din il-familja hija xi ħaġa li tisma’ biha fil-leġġendi.

Nista’ ngħid ħafna aktar dwar Simmy imma forsi l-aqwa ħaġa li nista’ nagħmel huwa li nirringrazzjaha talli għallmitna nħobbu u nagħtu sakemm inweġġgħu. Simmy int missejt lil kulħadd b’tant mħabba u mogħdrija li impossibbli ninsuk. Simone nirringrazzjak talli wrietna mingħandek dak li verament jgħodd fil-ħajja u kif dejjem kont temmen li hemm il-ġid f’kull wieħed u waħda minna.

Minħabba l-ammont kbir ħafna ta’ messaġġi fuq il-midja soċjali, il-pazjenti tagħna huma kemm imħawwda, kif ukoll grati. Huma ġew imberkin għax saru jafuk u aħna wkoll. Kien tassew ta’ unur kbir li ħdimt miegħek u li sirt nafek.

Simone, sakemm nerġgħu niltaqgħu, kompli ggwidana biex ngħinu lin-nies ħalli jkunu aħjar bħalma kont dejjem tagħmel inti. Aħna nħobbuk Simmy u dejjem se nibqgħu, inklużi ċ-ċajt li tant kont tħobb tagħmel. 

Saħħa għalissa Simmy… Narak aktar tard.

Dott. Mark Xuereb

Ekonomija

Sport