Is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manché qiegħed jappella lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni kontra dawk li “ġew jitmejlu” mill-Kunsill Lokali.
Is-Sindku beda biex jispjega li fil-ġimgħa tal-festa ma nħarġux permessi ħlief affarijiet żgħar b’lifters li nħarġu biex jitnaqqas l-inkonvenjent.
Huwa kompla biex jinnota li fost dawk li talbu permess u ma nħarġilhomx kien hemm dawk li għażlu li jiġu jitmejlu għax x’aktarx qed jassumi li tiġihom tajba minħabba li l-awtoritajiet mhumiex jissikkaw biżżejjed iċ-ċintorin.
Is-Sindku qal li fid-dawl ta’ dan kollu, l-ewwel ma jwaħħlu r-residenti huwa fil-Kunsill u fih b’mod partikolari minħabba li jaħsbu li x-xogħol qiegħed isir bil-barka tal-kunsill.
Is-Sindku qal li hu min-naħa tiegħu jitlob lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni bil-għan li tinżamm l-ordni. Filwaqt li hemeż ritratt, huwa qal li jinsab infurmat li fi Triq Manoel De Vilhena kien hemm triq li anke kienet magħluqa għal xi ħin.
“Il-pulizija avżati u nispera li tittieħed azzjoni biex jitwaqqfu dawn l-abbużi”, temm jgħid is-Sindku.