Wednesday, December 25, 2024

Single ġdida minn Ira Losco u Denzel Jo Armani

Aqra wkoll

Id-DJ żagħżugħ Denzel Jo Armani għandu 16-il sena u m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Jiġi iben id-DJ tant rinomat Joseph Armani li nafu kemm wettaq kollaborazzjonijiet ma’ diversi kollegi fuq livell lokali u internazzjonali iżda wkoll ma’ ħafna kantanti. 

L-Ingliżi jgħidu “Like Father, like son” – L-iben hu l-mera ta’ missieru. Dan jista’ jiġi kkonfermat mija fil-mija hekk kif iż-żagħżugħ Denzel Jo diġà qed iħalli t-timbru tiegħu fil-komunità tal-mużika elettronika.

Hu qed jistenna b’ħerqa kbira l-ġurnata tal-lum, hekk se jkun qed idoqq fl-Isle of MTV u se jidħol fil-kotba tar-rekords meta se jkun l-iżgħar DJ li qatt għamel dan.

Denzel Jo kellu l-ewwel kollaborazzjoni ma’ kantanta ta’ ċertu stoffa hekk kif flimkien ma’ Ira Losco nieda d-diska “Love of my life.”

Ħafna jiftakru lil Denzel Jo li fi żmien il-pandemija tal-COVID kien jipprattika ħafna l-mużika fuq il-mixer flimkien ma’ missieru. Fl-età ta’ 12-il sena, hu niżżel ismu bħala l-iżgħar DJ li ħa sehem f’Unite With Tomorrowland, esperjenza li tat spinta lill-karriera mużikali tiegħu.

L-entużjażmu li għandu dan il-ġuvnott hi waħda impressjonanti. Din il-gazzetta ltaqgħet ma’ Denzel Jo Armani kif ukoll il-kantanta Ira Losco fejn tawna l-opinjoni tagħhom dwar l-aħħar diska li ħarġu flimkien.

“L-ewwelnett hu ta’ privileġġ li se ndoqq ma’ dik li jien inħobb insejħilha bħala r-reġina tal-mużika kontemporanja f’Malta u anke barra minn xtutna. Din hi l-ewwel kollaborazzjoni li qed nagħmel ma’ Ira Losco u nispera li mhux se tkun tal-aħħar. Kont kuntent li għat-tnedija ta’ “Love of my Life” kont spalla ma’ spalla ma’ Ira Lsoco. Hi xi ħaġa ferm sabiħa u ninsab kburi li fdat fil-kwalitajiet tiegħi.”

Saqsejna lil Ira Losco dwar x’ħeġġiġha l-iktar sabiex tagħmel din il-kollaborazzjoni ma’ Denzel Jo Armani.

“L-ewwelnett jien naf sew lil missieru Joseph u għalhekk dejjem kien hemm dak il-livell ta’ rispett bejnietna. Kelli anke kollaborazzjonijiet miegħu tul dawn l-aħħar snin u dejjem ħdimna tajjeb flimkien. Min qatt kellu jgħidli li ftit tas-snin wara kont se naħdem ma’ ibnu Denzel Jo?”

“Jien niftakar lil Denzel Jo bħala tifel żgħir. Minn dejjem kien iħobb il-mużika u kien imur ħafna ma’ missieru f’diversi avvenimenti mużikali li kien ikun fihom. Segwejt il-progress tiegħu tul iż-żmien u nista’ ngħidlek li dan hu DJ żagħżugħ li jipprometti ħafna u li għandu futur kbir quddiemu.”

“Naħseb se nkun waħda mill-kantanti Maltin li se nkun ikkollaborajt ma’ missier u iben, litteralment żewġ ġenerazzjonijiet.”

Denzel Jo qalilna li Ira Losco ratu jikber u jien personalment minn dejjem kien jammiraha għax apparti li tkanta sabiħ ħafna, kapaċi tadatta għal kull stil mużikali. Hu qalilna li għamel diversi diski dan l-aħħar iżda din hi xi ftit speċjali.

Fil-fatt fuq xiex titratta d-diska “Love of my Life?”

“Primarjament titratta dwar relazzjoni li jkollha l-kumplikazzjonijiet tagħha iżda li bis-saħħa tal-imħabba, l-affarijiet dejjem jieħdu l-lat pożittiv. Wara kollox, dan kollu hu parti mill-ħajja li ngħixu kollha kemm aħna!”

“Jiena tawni scholarship ġo skola ta’ Pete Tong, u parti mix-xogħol tagħna kien li noħolqu diska, u din jagħtuk il-lat strumentali u jiena għamiltha bl-istil tiegħi, u kelli nahseb ma’ min se nagħmel. Jien bejni u bejn ruħi għedt li Ira Losco kellha tkun il-kantanta ideali sabiex tkun f’kollaborazzjoni miegħi.”

Fil-fatt, Ira Losco kienet xi ftit sorpriża li kien hi li ntgħażlet għal din id-diska iżda b’ħerqa kbira kienet lesta sabiex twettaq din il-kollaborazzjoni li kif qalet hi rnexxiet mija fil-mija.
Finalment saqsejna lil Denzel Jo Armani dwar il-futur tiegħu u hu kkonferma li l-mużika se tkun parti importanti minn ħajtu.

“Meta ndoqq minn wara l-mixer u l-laptop, is-sensazzjoni li nħoss hi verament inkredibbli. Sa mill-ewwel darba ta’ 11-il sena li missejt mixer tal-mużika, għedt li din hi ħajti. Mingħajr il-mużika, jien ma ngħixx u għalhekk fis-snin li ġejjin irridha dejjem tkun miegħi u nimxu id f’id flimkien.”

Ekonomija

Sport