Wednesday, January 22, 2025

“Sinjal li x-xogħol fdat f’idejna wettaqnieh” – il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Josianne Cutajar wara li rebħet l-unur ta’ Kap tas-Sena 2024

Aqra wkoll

Dr Josianne Cutajar, Kap Eżekuttiv tal-OHSA, riċentement rebħet l-unur ta’ Kap tas-sena 2024. Dan il-ġurnal talab għar-reazzjoni tagħha wara li rebħet dan l-unur, fejn stqarret li tħossha grata għax “id-deċiżjoni tal-ġurija għalija kien sinjal li x-xogħol fdat f’idejna wettaqnieh u għalhekk ħassejt li b’dover irrid nestendi dan l-unur għal kull min ħadem miegħi”. 

Hija ssemmi mhux biss il-ħaddiema li preżentament taħdem magħhom imma wkoll lil dawk li ħadmu magħha fil-passat għax kollha kemm huma kellhom is-sehem. Hija għalhekk spjegat li dan ir-rikonoxximent jixraq lil kull min ħadem magħha u tiċċelebra dan l-unur magħhom. Mingħajr l-ebda sens ta’ egoiżmu tħoss li dawn il-ħaddiema kienu parti mill-kisba ta’ dan l-unur u hi tgħid għalhekk “li dawn ħaqqhom prosit kbira huma wkoll!”.

Saqsejnieha l-irwol tagħha bħala l-Kap Eżekuttiv, li issa ilha għal din l-aħħar sena. Hija spjegat li “bħala kap eżekuttiv, nqies ruhi bħala plejer f’tim, u r-rwol tiegħi hu li nara li kull min għandu responsabbiltà, kemm jekk hi teknika, operattiva u sew jekk hi amministrattiva, ikun fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet, inkluż anke l-perspettiva tal-ħaddiema, ta’ min qed jirrappreżentahom u ta’ min iħaddem. L-irwol tagħha, skont Cutajar huwa għaldaqstant li tiġbor il-perspettivi kollha minn dawn l-angoli differenti, u twassal għad-deċiżjonijiet li jkunu realistiċi, u li jistgħu effettivament jitwettqu kemm biex jindirizzaw l-isfidi kif ukoll biex jghollu l-livell ta l-istandards fis-settur. Id-deċiżjoni titiehed b’mod kollettiv. Dan għax hija temmen ħafna fil-kollaborazzjoni u l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-istakeholders kollha fl-irwol tagħha bħala Kap Eżekuttuv tal-OHSA. Hija tisħaq li perspettiva tas-saħħa tal-ħaddiema dejjem tinżamm fil-qofol għax skont hi “s-salvagwardja tas-saħħa tal-ħaddiem għandha tkun l-għan aħħari ta’ ħidmietna”. 

Iżżid tgħid li hemm ukoll l-aspett ta’ dawk li jimpjegawhom u l-isfidi li dawn jistgħu jiltaqgħu magħhom, kif ukoll il-funzjoni ta’ l-awtorità u r-riżorsi tagħha li għandhom jintużaw b’mod effiċjenti u b’mod effettiv. Cutajar tirrikonoxxi l-importanza ta’ stakeholders oħra fosthom istituti akkademiċi, bħall-Università u l-assoċjazzjonijiet ta’ esperti tekniċi u professjonisti fis-settur tas-saħħa u s-sigurta fuq ix-xogħol. 

Dawn ukoll għandhom ikunu inklużi sabiex huma jikkontribwixxu biex ngħollu l-istandards f’pajjiżna. Għalhekk hija meta tispjega l-irwol tagħha tgħid hekk: “ir-rwol tiegħi hu li nara li l-angoli kollha jiġu flimkien fuq il-mejda tad-diskussjonijiet sabiex ikollna l-istampa aktar ċara. Bil-kontribuzzjoni ta’ kull min għandu parti fis-settur biss nistgħu nieħdu deċiżjonijiet li jwasslu għall-aħjar żvilupp u protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiem f’pajjiżna, Dan jixhed ir-responsabbiltà li Josianne għandha fl-irwol tagħha bħala Kap Eżekuttiv tal-OHSA.

Id-diskors ħadna minnufih għal diskussjoni dwar il-liġi l-ġdida tal-OHSA, u hija qaltilna li din il-liġi l-ġdida wasslet billi saru ħafna taħditiet, kemm qabel kif ukoll wara li ġiet ikkumpilata l-abbozz tal-liġi l-ġdida, inkluż il-konsultazzjoni pubblika. Iddiskutejna mal-esperti u l-imsieħba soċjali sabiex naraw jekk dak li fhimna aħna jirriflettix dawk ir-riformi li kienu qed jistennew huma wkoll. Dan għax ġieli nkunu fuq l-istess pjattaforma, u ġieli jkun hemm diversità fejn kulħadd jibda jara mill-perspettiva tiegħu. Trid kemm jista’ jkun tqarribhom lejn xulxin.” Għalkemm kien hemm ħafna nies involuti, imma kulħadd wera l-impenn sħiħ biex naslu għar-riforma tal-liġi. Stennejna r-rapport tal-inkjesta pubblika Sofia bir-rakkomandazzjonijiet li wkoll ġew ikkunsidrati fid-diskussjonijiet tal-abbozz.

Cutajar spjegat li dan naturalment ħa ftit tax-xhur bħala proċess “għall-abbozz finali tal-Liġi l-ġdida li għadda b’mod unanimu mill-Parlament. Cutajar wara dan il-proċess kollu tħossha sodisfatta u kuntenta għax hi taħseb li din “il-liġi l-ġdida hija progressiva, fiha struttura u mekkaniżmu legali li jwasslu sabiex jindirizzaw kemm l-isfidi kurrenti kif ukoll dawk emerġenti fil-futur. Hija liġi mfassla b’mod li tara li s-settur jibqa’ jiġġedded maż-żminijiet skont il-bżonn tal-pajjiż. B’hekk inkunu nistgħu nibqgħu ngħollu l-istandard tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol b’mod kontinwu hekk kif it-tibdil fl-ekonomija jġib miegħu tibdil fil-postijiet tax-xogħol u riskji ġodda għas-saħħa tal-ħaddiema .” Kunċett għal qalbha ħafna hu li din il-liġi qed tiffoka fuq il-ħaddiem u tpoġġi lill-ħaddiem bħala prijorità. Hi tgħid li issa l-ħaddiem qed jitqies “b’mod ħolistiku, bħala bniedem. B’hekk b’din ir-riforma kemm is-saħħa fiżika, dik mentali u anke soċjali trid tiġi salvagwardjata minn riskji li jistgħu jinħolqu fuq ix-xogħol.

Dan għaliex mhux kull xogħol joffri l-istess sfidi; hemm xogħlijiet li jippreżentaw riskji ta’ natura fiżika, bħal pereżempju xoghol fuq makkinarju, jew f’xi post ta’ kostruzzjoni, imbagħad hemm ħaddiema fejn il-post tax-xogħol jesponihom għal aktar riskju fuq is-saħħa mentali tagħhom, bhal pereżempju xogħol diġitali jew ‘workload’ eċċessiv, Każijiet ta’ bullying jew imġieba abbusiva fuq il-post tax-xogħol issa wkoll jaqgħu taħt il-ligi tas-saħħa u s-sigurtá fuq ix-xogħol. Cutajar tagħlaq billi tgħid li l-Awtorità qiegħda hemm bħala riżorsa u għalhekk kull ħaddiem fi kwalunkwe settur għandu jirrikorri għaliha meta jkun jeħtieġ l-għajnuna neċessarja.

Sport