Għal min hu midħla ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fejn jidħol it-twaqqif u kif taħdem, hu konxju tal-mudell Franco-Ġermaniż. Mudell rikonċiljatorju bejn dawn iż-żewġ pajjiżi li tmenin sena ilu kienu fi gwerra bejniethom.
Mudell ta’ alleanza li rajnieh joħloq l-Unjoni Ewropea bit-tama li fl-Ewropa ma jerġax ikun hemm gwerer. Kien mudell li ħadem. Mudell li fih naraw lil dawn iż-żewġ pajjiżi litteralment jiddominaw l-aġenda Ewropea.
Illum imma ninsabu f’pożizzjoni fejn qiegħed jidher dejjem aktar biċ-ċar li din l-alleanza m’għadhiex b’saħħitha daqs kemm kienet. Qegħdin naraw din l-alleanza tiddgħajjef u ż-żewġ pajjiżi donnhom ukoll jitbiegħu minn xulxin. Sitwazzjoni li qiegħda sseħħ għax iż-żewġ pajjiżi llum jinsabu mifnijin b’diversi kriżijiet.
Din hi sitwazzjoni ta’ tħassib. Sitwazzjoni li tista’ ġġib perikli ġodda fi ħdan l-istess Unjoni Ewropea. Fuq kollox hi sitwazzjoni li minħabba fiha nistgħu nibdew l-Unjoni Ewropea tkompli titlef mis-saħħa tagħha b’mod partikolari fil-qasam internazzjonali.
Kemm Franza u kemm il-Ġermanja jinsabu mifnijin bi kriżijiet politiċi, ekonomiċi u anke soċjali. Kriżijiet lil qegħdin iseħħu fi żminijiet xejn felici. Dan kellu jkun żmien fejn l-Unjoni Ewropea għandha tkun aktar magħquda u aktar b’saħħitha, imma minħabba dawn il-kriżijiet qegħdin narawha dejjem aktar tiddgħajjef.
F’dan iż-żmien fejn suppost għandu jkollna Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha u dan minħabba li faċilment tista’ tinqabad fi kwistjonijiet ġodda li mistennija jfeġġu matul iż-żmien li ġej bħad-dazji mill-Istati Uniti u kwistjonijiet ġodda mar-Russja.
Ovvjament quddiem il-kriżijiet li qegħdin jaffaċċjaw dawn iż-żewġ pajjiżi, wieħed għad irid jara x’se jkun eżattament l-effett fuq l-Unjoni Ewropea. Il-previżjonijiet m’humiex daqstant pożittivi, għax kemm Franza u kemm il-Ġermanja ma jidhirx li se jsolvu l-problemi li għandhom fi żmien qasir.
It-tnejn li huma qegħdin jaffaċċjaw l-anti semitiżmu. It-tnejn li huma qegħdin jaraw movimenti faxxisti jerfgħu rashom u anke iżidu fil-popolarità. Dan għax il-politika mħaddma miż-żewġ gvernijiet mhix tinżel tajjeb ma’ sezzjonijiet sħaħ tal-poplu. Il-mexxejja tagħhom m’humiex daqstant popolari mal-popolari mal-popli tagħhom.
Fil-Ġermanja qegħdin naraw sitwazzjonijiet inkwetanti fejn jidħol l-antisemitiżmu. Għal darba oħra qegħdin naraw żoni bħal f’Berlin fejn il-Lhud mhux milqugħin u dan insibuh ukol f’xi żoni ‘lbarra minn Pariġi.
Fost il-kriżijiet li qegħdin jiffaċċjaw kemm Franza u anke l-Ġermanja anke il-kwistjoni tad-dejn nazzjonali. Fil-Ġermanja is-sitwazzjoni ekonomika hi waħda staġnata, fejn il-persuni bla xogħol f’Diċembru li għadda żdiedu b’xejn inqas minn 33,000 persuna, biex issa it-total ta’ dawk bla xogħol hu ta’ 2.8 miljun persuna.
Kien previst mill-Bank Ċentrali Ġermaniż li l-ekonomija tal-pajjiż matul is-sena 2024 mhux talli ma kinitx se tikber talli kienet se tiċkien b’madwar 0.2 fil-mija.
Fi Franza ukoll is-sitwazzjoni mhix dik mixtieqa fejn apparti żbilanċ finanzjarju qawwi ta’ madwar 6 fil-mija, jiġifieri d-doppju ta’ kemm hu permissibbli mill-Unjoni Ewropea, hu previst li l-ekonomija Franċiża fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet mix se tesperjenza tkabbir imma tnaqqis.
M’hemm ebda dubju li dawn il-problemi fi Franza u l-Ġermanja se jkollhom effett fuq l-Unjoni Ewropea b’mod partikolari fejn jidħol l-aspett ekonomiku u fuq il-viżjoni għas-snin li ġejjin għall-istess Unjoni Ewropea. Hu ċar ħafna li sakemm Franza u l-Ġermanja se jibqgħu f’pożizzjoni dgħajfa, kollox se jkun aktar ta’ diffikulta fl-Unjoni Ewropea.