Sunday, October 27, 2024

Sir Jim Ratcliffe jagħmel offerta ta’ £4.24 biljuni għat-teħid ta’ Chelsea

Aqra wkoll

In-negozjant biljunarju Britanniku, Sir Jim Ratcliffe, għamel offerta tard ta’ £4.25 biljuni biex jixtri lil Chelsea.

Is-sid ta’ Chelsea, Roman Abramovich, poġġa l-club għall-bejgħ qabel ma ġie san­zjonat għall-allegati rabtiet tiegħu mal-Pre­sident Russu, Vladimir Putin, wara l-invażjoni tal-Ukrajna.

Tliet offerenti kienu fit-taqtiegħa biex jixtru lil Chelsea għal madwar £2 biljun.

L-offerta ta’ Ratcliffe tkun tfisser £1.75 biljuni nvestiti fil-club fuq 10 snin. £2.5 biljuni oħra ġew impenjati għal trust ta’ karità biex tappoġġja lill-vittmi tal-gwerra fl-Ukrajna.

Ratcliffe, 69, waqqaf il-grupp tal-kimiċi Ineos fl-1998. Il-kumpanija hija magħrufa l-aktar fid-dinja sportiva għall-isponsorships tagħha tal-ilbies taċ-ċikliżmu Brittaniku, Team Ineos.

“Din hija offerta Britannika, għall-club Brittaniku,” taqra stqarrija ta’ Ineos.

“Se ninvestu fi Stamford Bridge biex nagħmluh stadium ta’ klassi mondjali, jixraq lil Chelsea FC. Dan se jkun organiku u kontinwu biex ma nbegħduhx mid-dar ta’ Chelsea u nirriskjaw li nitilfu l-appoġġ tal-partitarji leali.

“Se nkomplu ninvestu fit-team biex niżguraw li jkollna skwadra tal-ewwel klassi tal-aqwa players, coaches u staff ta’ appoġġ fid-dinja, fil-logħob tal-irġiel u tan-nisa.

“Nittamaw li nkomplu ninvestu fl-akka­demja biex nipprovdu opportunità għal żgħażagħ b’talent biex jiżviluppawhom fi players tal-ewwel klassi.”

Chelsea qed joperaw taħt liċenzja speċjali mill-gvern tar-Renju Unit li tispiċċa fil-31 ta’ Mejju, iżda nhar il-Ħamis is-Segretarju għall-Kultura, Nadine Dorries, qalet li l-club kien fuq “ħin misluf” biex itemm il-bejgħ.

It-tliet konsorzji li diġà qegħdin fit-taqtiegħa biex jixtru lil Chelsea huma mmexxija minn Sir Martin Broughton, il-ko-proprjetarju ta’ Los Angeles Dodgers, Todd Boehly, u l-ko-proprjetarju ta’ Boston Celtics, Stephen Pagliuca.

Ineos qalu: “Aħna nemmnu li Londra għandu jkollha club li jirrifletti l-istatura tal-belt. Wieħed li huwa miżmum fl-istess rigward ta’ Real Madrid, Barcelona jew Ba­yern Munich. Beħsiebna li Chelsea jkunu dak il-club.

“Dan l-investiment qed nagħmluh bħala dilettanti tal-logħba sabiħa – mhux bħala mezz biex nagħmlu profitt. Il-club għandu l-għeruq fil-kommunità tiegħu u l-partitarji tiegħu. U hija l-intenzjoni tagħna li ninvestu f’Chelsea FC għal dik ir-raġuni.”

Sport