Friday, December 27, 2024

Sirens jonqsu milli jaqtgħu l-passaġġ mal-ewwel sitta

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Gzira United …..2

Sirens ……………1

F’partita ferm movimentata, Gzira United dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 kontra Sirens biex b’hekk ikkastigaw lit-team minn San Pawl il-Baħar għar-Relegation Pool.

Sirens żammew il-pass mal-avversarji tagħhom għal diversi ħinijiet iżda fit-tieni taqsima Gzira kienu f’livell ieħor u approfittaw bis-sħiħ fl-aħħar għaxar minuti hekk kif  lagħbu bi player iktar wara li fit-80 minuta tkeċċa l-captain ta’ Sirens, Adrian Borg.

Kienu Gzira li ħarġu fuq l-offensiva u fis-sitt minuta free-kick insidjuż ta’ Nikolai Muscat għadda ftit għoli.

Sirens wieġbu fit-22 minuta u tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Carlo Zammit Lonardelli minn   qagħda ideali tefa’ inkreddibilment barra.

Il-Maroons reġgħu ħolqu l-periklu fit-32 minuta meta wara li rċieva minn cross mil-lemin ta’ Toni Kolega, Maxuell Maia, għola tajjeb u kellu t-tentattiv tiegħu minn daqqa ta’ ras mill-viċin jintemm ftit barra.

Iżda kienu Sirens li marru fil-vantaġġ fit-43 minuta meta minn free-kick fil-baxx ta’ Bogdan Gavrila, VITOR VIEIRA, minkejja li ssikkat minn difensur avversarju irnexxielu jitfa’ l-ballun fix-xib­ka u lill-partitarji tat-team minn San Pawl il-Baħar f’delirju ta’ ferħ.

L-ewwel mumenti tat-tieni taqsima kienu ferm kwieti u nieqsa minn kull emozzjoni. Dan sal-65 minuta meta Gzira tilfu opportunitá tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs meta Jefferson De Assis xeħet through pass lejn Maxuell Maia li kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat bi bravura liema bħalha mill-goalkeeper ta’ Sirens, Jonathan Debono.

Tliet minuti biss wara Gzira ġabu l-iskor indaqs meta l-ewwel Zachary Scerri kellu tentattiv li ġie salvat għal darb’oħra bi bravura minn Jonathan Debono, li iżda ma żammx biex mir-rebound, TONI KOLEGA, spara f’xibka vojta.

Dan il-goal ipprovda injezzjoni morali lill-Maroons u fis-70 minuta, Maxuell Maia, kellu xutt minn ġol-kaxxa li ntemm ftit barra.

Fit-80 minuta, Sirens, qal­għu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players hekk kif tkeċċa Borg wara li waqqa’ lil Jefferon De Assis li deher destinat li seta’ jkompli javvanza lejn il-lasti avversaraji.

Mill-free-kick li rriżulta, NIKOLAI MUSCAT, venven xutt mill-isbaħ li ma ta l-ebda ċans lil Jonathan Debono jsalva.

GZIRA U.: 30-Darijan Zarkov, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 4-Marko Cosic, 5-Luke Tabone, 6-Nikolai Muscat, 8-Zachary Scerri, 9-Toni Kolega, 17-Clive Gauci, Jean Paul Attard, Maxuell Maia, Jefferson De Assis   – Coach: Darren Abdilla

SIRENS: 1-Jonathan Debono, 5-Henrique Marcelino Motta, 10-Bogdan Gavrila (9-Marios Lomis 84), 15-Adrian Borg, 17-Jacob Walker (14-Die­go Albanese 84), 21-Carlo Zammit Lonardelli, 22-Alex Cini, 30-Carlos Riascos, 31-Degran Jackson (11-Alfred Effiong 88), 33-Vitor Vieira, 88-Renato Neto Cardoso Porto   – Coach: Winston Muscat

REFEREE: Philip Farrugia

ASS. REFEREES: Alan Ca­milleri, Shaun Calleja

RABA’ UFF: Daniel Portelli

SKORERS: V. Vieira 43 (S), T. Kolega 68, N. Muscat 81 (GU)

AMMONITI: C. Riascos, D. Jackson, V. Vieira (S), C. Gauci, Z. Scerri, J. P. Attard, J. De Assis (GU)

TKEĊĊA: A. Borg 80 (S)

Ekonomija

Sport