Wednesday, April 24, 2024

Sirt naf ftit ilu bil-mewt ta’ Tony Preca… għadni mqanqal sew – Alfred Sant

Aqra wkoll

Ili naf lil Tony minn nofs is-snin sittin, u anke fil-ftit drabi meta ma qbilniex fuq xi ħaġa, bqajna dejjem ħbieb tal-fiduċja. Kien raġel sinċier, onest, intelliġenti, ħabrieki u ta’ talent.

Iltqajna l-ewwel drabi fi żmien meta hu u Mario Azzopardi daħħlu radjodramm għal kompetizzjoni fejn kont ħadt sehem jien ukoll. Fil-Ħamrun dak iż-żmien, Peter Serracino Inglott u Karmenu Mifsud Bonnici kienu jtellgħu films kontinentali f’teatru is-“San Remo” li kien jitmexxa miż-Żagħżagħ Ħaddiema Insara. Iltqajt miegħu hemm ukoll u d-diskussjonijiet bejnietna dwar it-teatru “letterarju” baqgħu anke għaddejja waqt xi festa ta’ San Gejtanu.

Bqajna nikkorrispondu meta kont Brussell. Għadni nżomm ittra tiegħu fejn ikkritika tajjeb ħafna dramm li kont ktibt “Aħna u l-Isvizzeri”.

Meta ġejt lura Malta lejn l-aħħar tas-snin sebgħin sibtu qed jipparteċipa fil-magazine tal-Partit Laburista “Il-Ħsieb” immexxi minn Alex Sceberras Trigona. Tony kien jagħmel il-“cartoons” ta’ karikatura li kont insibhom qawwija u effettivi. Erġajna bdejna niltaqgħu. 

  Sadattant kien għamel ukoll u baqa’ jagħmel id-disinjji għall-qoxra ta’ kotba, fostha tajba ħafna għal ġabriet ta’ stejjer qosra ta’ Lino Spiteri, ħabib kbir ieħor tiegħu. Lili matul is-snin kien jagħmilli disinnji għall-qoxra ta’ kotba li ħriġt. Niftakar l-aktar wieħed li għoġboni kien għal ġabra ta’ drammi “Fid-Dell tal-Katidral”.

Wara ħdimna flimkien fuq il-magazine ta’ kull xahar TOMORROW. Għamel id-disinn għalih u ta’ kull xahar konna naħdmu flimkien ħalli joħroġ karikaturi. Kont nammira l-mod metikoluż kif kien jaħdem…

Minn hemm għaddejna għal kollaborazzjonijiet ferm usa’. B’xogħlu ta għajnuna u ħa sehem f’uħud mill-kotba maħruġa mis-Sensiela Kotba Soċjalisti. Għamel id-disinn ta’ Il-Ħelsien, il-ġurnal tal-PL li beda joħroġ mis-sena 1988. Flimkien mal-editur, Evarist Bartolo, żviluppa l-kontenut tal-ġurnal permezz tal-karikaturi regolari li kien joħroġ u anke kien regolarment jieħu sehem ma’ oħrajn biex jinfilzaw il-paġni tal-gazzetta f’dik li kienet tissejjaħ il-Marsa Press (illum il-kumpless ta’ ONE).

Għal darb’oħra, Tony għamilli d-disinn għal magazine ieħor li bdejt noħroġ qrib it-tmiem tas-snin 1980, Society.  Imma fuq kollox, kien strumentali fid-disinn tal-gazzetta Laburista ta’ kull nhar ta’ Ħadd KULLĦADD li ħadet post Il-Ħelsien mis-sena 1993. Niftakar id-diskussjonijiet twal li kien ikollna dwar kif il-gazzetta se nrenduha tabloid bi stil sensazzjonali, waqt li tibqa’ “serja” fil-kontenut. Il-formoli li sab għal dak iż-żmien kienu tajba għalkemm wara, kif dejjem jiġri, baqgħu jinbidlu. 

Hu u Feliċ Agius, l-ewwel editur ta’ KULLĦADD kienu jagħmlu tim formidabbli fil-mod kif il-gazzetta kienet tittella u f’kif imbagħad wasslet biex trawwem fil-ġurnaliżmu stampat żgħażagħ li llum isimhom hu magħruf mal-pajjiż.

Isem Tony Preca kien magħruf minn ħafna anqas nies għax dejjem ipprefera jibqa’ fil-ġenb. Lest jagħti l-appoġġ tiegħu b’parir, kumment jew fuq kollox ħidma diretta u kostanti imma mhux jidher.

Ingħid għalija, l-aktar li niftkar mill-kollaborazzjoni ta’ bejnietna kien meta għall-kampanja elettorali tal-1987, konna ħdimna flimkien fuq “comics” politiċi bi storja “politika” li kienet torbot mal-kampanja elettorali tal-Labour. Jien kont nikteb il-kliem u l-“istorja”, hu kien jagħmel id-disinnji. Bħall-kollaborazzjonijiet kollha ta’ bejnietna, li taħdem miegħu kont inqisu privileġġ.

Għaddew is-snin u għalkemm inqtajna xi ftit, bqajt ngħożż il-ħbiberija u l-interess tiegħu. Kull meta niltaqgħu kien qisu li l-aħħar li għamilna hekk kien il-ġurnata ta’ qabel. 

Mil-lum ’il quddiem, b’xorti ħażina, se nibqa’ ngħożż biss minn dan kollu, it-tifkira tal-ħbiberija tiegħu u tax-xogħol li wettaq.

Sport