L-Awtoritajiet fil-Ġamajka qalu li n-numru tal-vittmi li tilfu ħajjithom kważa tal-Urugan Melissa issa tela’ għal 28 persuna. Qal li dan in-numru mistenni li jkompli jiżdied hekk kif it-tfittixija għal aktar perusni rraportati neqsin għadha għaddejja.
Il-Prim Ministru tal-pajjiż Andrew Holness qal li l-ħidma tas-salvataġġ u anke biex il-ħajja bil-mod il-mod terġa’ lura għan-normal mhux se taqta xejn.
Il-ħaddiema tas-salvataġġ kellhom operazzjoni diffiċli biex jilħqu diversi postijiet fil-pajjiż minħabba li t-toroq spiċċaw imblukkati b’diversi affarijiet li nġarret u tkissru waqt li kien għaddej l-urugan.
Kien hemm problemi kbar ukoll fis-sistema tal-komunikazzjoni hekk kif din spiċċat waqfet kompletament u partijiet kbar mill-pajjiż spiċċaw mingħajr elettriklu.
L-awtoritajiet qalu li huma qegħdin jagħmlu dak kollu posibbli biex dawn il-bżonnijiet taċ-ċittadini jerġgħu lura fl-iqsar żmien posibbli.
Uffiċjali tas-Salib l-Aħmar qalu li 72% tan-nies fil-pajjiż s’issa għandhom mingħajr elettriklu u aktar minn 6,000 persuna kellhom jitilqu minn djarhom u qegħdin jgħixu f’xelters ta’ emerġenza.
Qalu wkoll li għelieqi kbar fil-pajjiż qegħdin jintużaw bħala sptarijiet temporanji hekk kif eluf kbar ta’ persuni qegħdin jipprovaw jingħataw il-kura minħabba ġrieħi li sofrew.
Diversi pajjiżi huma lesti li jibgħatu l-għajnuna tagħhom, iżda s’issa l-ajruport jinsab magħluq minħabba ħsara kbar li kien hemm.

