Jekk kollox imur kif pjanat sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu ġew ċelebrati 18-il ġuri b’kollox. Dan juri qabża sinifikanti meta kkumparat mal-ħames snin ta’ qabel.
Dan hekk kif fl-2020 kien hemm deċiżjoni fuq ġuri wieħed, tmienja fl-2021, ħamsa fl-2022, tmienja fl-2023 u sitta matul is-sena li għaddiet. S’issa din is-sena diġà ġew deċiżi disa’ ġurijiet u kollox jindika li dan l-ammont se jkun irduppjat sa tmiem is-sena.
Tkellimna dwar din il-ħidma, l-investiment fl-infrastruttura u r-riżorsa umana mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati Dr Vanessa Grech fejn spjegat li ċ-ċelebrazzjoni ta’ ġuri tirrikjedi ġimgħat sħaħ ta’ pjanar, kordinazzjoni u preparazzjoni kemm mill-ġudikant li jkun jippresjedi l-ġuri kif ukoll minn diversi impjegati tal-Aġenzija.
Bejn wieħed u ieħor ġuri jdum għaddej bejn tmien u 15-il ġurnata. Madanakollu f’April ta’ din is-sena assistejna għal ġuri li dam għaddej ftit aktar minn sitt ġimgħat.
Dan kien possibbli wara investiment li sar fil-binja prinċipali tal-Qorti fejn żdiedet awla ġdida attrezzata biex isiru l-ġurijiet fiha. B’hekk waqt li kien għaddej il-ġuri dwar żewġ omiċidji – dawk ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-Avukat Carmel Chircop – kienu ċelebrati żewġ ġurijiet oħra fl-istess ħin.
Ta’ min isemmi li għal kull ġuri jiġu notifikati bejn 300 u 500 ġurat prospettiv u li dawn il-ġurijiet imsemmija qabel kienu kollha bil-ġurati. Filwaqt li kien għaddej il-ġuri dwar l-omiċidji ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-Avukat Carmel Chircop f’Awla 22, it-tnejn l-oħra saru fl-awla l-ġdida.
Ta’ min jgħid ukoll li kien hemm sitwazzjonijiet fejn tiġi kkunsidrata Awla 14 għal sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip, iżda f’dan il-każ ma kienx possibbli għax kien hemm ammont ta’ seduti skedati bil-ħtieġa tal-‘video conferencing’.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qal li “ż-żieda ta’ Awla tal-ġurijiet tikkumplimenta l-investiment kontinwu li qed isir fil-ġustizzja. Qegħdin niksbu r-riżultati u nsaħħu l-effiċjenza inkluż b’żieda kontinwa fil-membri tal-ġudikatura, tisħiħ fir-riżorsi umani, riformi kuraġġużi u investiment infrastrutturali. Fil-ġimgħat u xhur li ġejjin se nkomplu nħabbru aktar proġetti li żgur ser iħallu l-marka tagħhom fis-settur tal-ġustizzja.”