Sunday, December 22, 2024

“S’issa it-tilqima mhijiex obbligatorja fl-iskejjel… jistgħu jattendu xorta”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tul is-sajf dan is-sit staqsa lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u liż-żewġ unjins tal-edukaturi – il-Malta Union of Teachers (MUT) u l-Unjin tal-Edukaturi Professjonisti (UPE), xi preparamenti qegħdin isiru għas-sena skolastika 2021-2022 iżda qalulna li kien għadu kmieni wisq. Iżda, minkejja li issa wasalna biex nibdew ix-xahar ta’ Settembru għadu mhux magħruf liema protokolli u miżuri se jittieħdu fl-iskejjel għal din is-sena. 

L-MUT u l-UPE kienu qalulna li sadanittant huma qegħdin isegwu kull żviluppi dwar il-każijiet tal-Covid-19 u li meta tasal aktar fil-qrib id-data tal-ftuħ, jimxu skont il-ħtieġa. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni min-naħa tiegħu kien infurmana li għaddejjin b’laqgħat mal-istakeholders u l-awtoritajiet tas-saħħa fir-rigward. 

Rigward il-ftuħ tal-iskejjel il-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet li din id-darba għandna vantaġġ minħabba li hemm sena esperjenza fiċ-ċirkostanzi li ġabet fuqna l-pandemija tal-Covid-19. Dwar jekk l-użu tal-maskri fl-iskejjel tagħna huwiex se jibqa’ mandatorju għas-sena li ġejja wkoll bħalma qegħdin jagħmlu xi pajjiżi barranin, jingħad li għaddejjin id-diskussjonijiet fir-rigward ukoll. 

Mistoqsija dwar jekk huwiex se jkun obbligatorju għall-edukaturi u l-istudenti ta’ ‘l fuq minn 12-il sena li jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19 qabel ma jidħlu għas-sena skolastika l-ġdida, il-Ministru tal-Edukazzjoni qaltilna li, “aħna dejjem nimxu mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u s’issa mhux qegħdin jgħidu li din hija obbligatorja. Imma jiena nħossni fid-dmir li ningħaqad mal-Professur Gauci u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne biex nappellaw ħalli aktar nies, speċjalment dawk li qegħdin fi struttura edukattiva, jieħdu t-tilqima. Ovvjament, għandna nkunu lkoll responsabbli biex kemm jista’ jkun ikollna ambjenti siguri anke permezz tat-tilqima li nieħdu”. 

Għaldaqstant, sakemm ma jitħabbarx mod ieħor, il-ġenituri li jagħżlu li ma jlaqqmux lit-tfal tagħhom kontra l-Covid-19, jistgħu jibagħtuhom meta l-iskola tiftaħ. 

Ekonomija

Sport