Tnediet mill-ġdid l-iskema Small Initiatives Support Scheme (SIS). Din għandha l-għan li tgħin b’mod tanġibbli finanzjarjament lill-għaqdiet volontarji. L-oqsma kollha huma eliġibbli, minn dawk relatati mal-isport, ambjent, arti, kultura sa għaqdiet relatati mas-saħħa, diżabilità u edukazzjoni.
Ħabbret dan il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Mauro Pace Parascandolo.
Il-baġit totali għall-iskema huwa ta’ €180,000, fejn kull applikazzjoni tista’ titlob sa massimu ta’ €5,000 għal kull proġett jew inizjattiva. Mit-tnedija tal-iskema sa issa ġew implimentati 460 proġett b’investiment illi jaqbeż il-€1.6 miljun.
It-tnedija ta’ din l-iskema saret waqt konferenza nazzjonali organizzata mill-MCVS bl-isem Shaping the future of volunteering – a strategic vision and an enabling legislation li fiha ġie diskuss il-futur tal-volontarjat, kemm bħala strateġija nazzjonali u anki l-leġiżlazzjoni preżenti u dik futura. Indirizzaw ukoll il-konferenza Lejla Sehic Relic u Gabriella Civico, President u Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Volontarjat.
Il-Ministru Julia Farrugia sostniet li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-qawwa tal-volontarjat bħala pilastru essenzjali tas-soċjetà tagħna. “Permezz tal-iskema SIS, qed inkomplu nsaħħu l-għaqdiet volontarji sabiex ikunu jistgħu jwettqu proġetti konkreti li jsaħħu l-komunitajiet tagħna u jindirizzaw bżonnijiet reali tan-nies. Determinati li nkomplu nsaħħu dawn l-iskemi finanzjarji, iżda apparti dan bħala parti mill-isforzi kontinwi tagħna biex inħeġġu u nippremjaw il-konformità regolatorja fost l-organizzazzjonijiet volontarji, għamilna valutazzjoni komprensiva tal-mod kif jiġu sottomessi r-rapporti u l-aderenza mal-iskadenzi. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, se nintroduċu qafas strutturat ta’ rikonoxximent u estensjonijiet relatati mal-konformità,” kompliet il-Ministru.
“Dan il-qafas li qed jiġi finalizzat bħalissa, għandu jwassal biex il-maġġoranza tal-għaqdiet ta’ natura volontarja jingħataw l-ispazju li fih ikunu jistgħu jiffukaw fuq ħidmiethom u qed isir minħabba t-titjib kontinwu li kontinwament qed isir b’sinerġija bejn l-MCVS u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għall-Organizzazzjonijiet Volontarji,” temmet tgħid il-Ministru.
Il-Kap Eżekuttiv Mauro Pace Parascandalo qal, “Il-volontarjat bħalissa wasal f’sitwazzjoni interessanti fejn fuq naħa għandek ir-reviżjoni tal-liġi u l-proċeduri simplifikati għas-settur, u fuq naħa oħra għandek il-fondi u s-servizzi dejjem jissaħħu għall-għaqdiet. Għaldaqstant, apparti li qed nerġgħu nniedu din l-iskema, qegħdin naraw l-evoluzzjoni ta’ dan is-settur dinamiku filwaqt li nkomplu nindukrawh bl-aħjar mod ħalli jkompli jkattar il-ġid fis-soċjetà tagħna.”
L-applikazzjonijiet ser jintlaqgħu mill-Erbgħa 28 ta’ Mejju 2025 sa nofsinhar tal-Erbgħa 9 ta’ Lulju permezz tas-sit elettroniku vofunding.org.mt. Ser isiru wkoll laqgħat ta’ informazzjoni sabiex jgħinu lill-applikanti matul il-proċess tas-sottomissjoni u biex jifhmu aħjar il-linji gwidi inkluż il-prijoritajiet. L-għaqdiet volontarji li japplikaw iridu jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.