Friday, November 8, 2024

SISTEMA ĠDIDA GĦAL AKTAR SIGURTÀ GĦAĊ-ĊITTADINI

Aqra wkoll

Ftit tas-snin ilu f’pajjiżna kienet introdotta s-sistema tal-community policing bil-għan li tiżdied is-sigurtà fit-toroq u tkun ta’ serħan il-moħħ għar-residenti tal-lokalitajiet. Din is-sistema li issa hija mifruxa f’aktar minn 80% tal-lokalitajiet f’Malta u Għawdex, turi li kienet suċċess. Iżda din is-sistema waħedha x’aktarx li ma kinitx tlaħħaq mal-bżonnijiet ta’ fejn kienet qiegħda ssir.

Għalhekk nemmnu li kien pass tajjeb li terġa’ tiġi introdotta dik magħrufa bħala ‘neighbourhood watch’, b’kordinatur f’kull żona tal-lokal bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm aktar serħan il-moħħ u anke komunikazzjoni bejn il-komunità u l-forzi taż-żamma tal-ordni. Din is-sistema se tkun introdotta l-ewwel fil-Marsa, bħala proġett pilota, u wara se tkun estiża għal lokalitajiet oħra.

Bħas-Sindku tal-Marsa, dan is-sit jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-pulizija u dan sar bil-għan li jkunu indirizzati l-problemi fil-lokalità. Tali inizjattiva bħalma hi n-Neighbourhood Watch flimkien mal-Pulizija tal-Komunità se jwasslu għal differenza pożittiva fis-sigurtà tan-nies. Żvilupp pożittiv u importanti.

Is-sigurtà tan-nies fil-qalba tal-komunità għandha tibqa’ prijorità biex ir-residenti tal-lokalitajiet ikollhom assigurazzjoni li fit-toroq hemm min qed iħarishom u jiddefendi l-interessi tagħhom kontra s-serq u reati oħra.

Għandna għax nifhmu li din is-sistema mhux se tkun limitata bil-ħin jew bil-ġranet imma se tkun waħda kontinwa, li sservi wkoll ta’ deterrent għal min jittanta jwettaq xi forma ta’ reat li warajh iħalli l-vittmi.

Aħna konvinti li s-sistema l-ġdida tan-neighbourhood watch se tħalli riżultati mixtieqa, kif diġà nkiseb bil-community policing li daħħlet sens ta’ sigurtà fl-imħuħ tan-nies meta jaraw pulizija bl-uniformi jissorveljaw iż-żona ta’ fejn jgħixu.

Din hija miżura oħra li se tagħti sens ta’ ħajja komda l-iktar dawk iż-żoni fejn fl-aħħar xhur saru l-akbar għadd ta’ reati. B’dan il-mod ukoll tkun qed tiġi protetta s-sigurtà ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fosthom l-anzjani li ħafna kienu huma l-miri ta’ reati kriminali.

Sport