Thursday, December 26, 2024

Sistema li tagħraf il-korrużjoni minn kmieni fl-industrija marittima twassal għal inqas spejjeż u protezzjoni tal-ambjent

Aqra wkoll

Problema ekonomika u ambjentali fl-industrija marittima globalment hija l-korrużjoni ta’ strutturi industrijali. Fil-fatt, il-monitoraġġ regolari għall-korrużjoni hu meqjus kruċjali għax jiżgura sigurtà u jestendi l-ħajja ta’ strutturi marittimi. Eżempju tajjeb ta’ dan nistgħu nieħdu r-riggijiet taż-żejt u l-gas naturali kif ukoll turbini tar-riħ u solar farms li jinsabu ’il barra minn xtutna li qed jiġu affetwati mill-korrużjoni li tista’ tirriżulta f’impatti ambjentali katastrofiċi. Skont NACE International Institute, l-industrija marittima tonfoq bejn $50 u $80 biljun fis-sena fuq din il-problema.

Sabiex tiġi indirizzata din il-problema, f’Marzu 2018, il-Koordinatur tal-Proġett Dr João Tedim mill-Università ta’ Aveiro fil-Portugal ikollabora ma’ SINTEF Industry fin-Norveġja u AquaBioTech Group f’Malta fuq proġett tal-MarTERA bl-isem ta’ “SMARTAQUA, Development of Smart Nanostructured Layers for Sensing Corrosion in Aquatic Structures”. L-għan ewlieni tal-proġett kien li jiżviluppa sensing nanolayer li jinkorpora addittivi intelliġenti kkombinati ma’ kolorimetrika b’elementi ta’ ditezjoni manjetika. Dan jiġi applikat direttament fuq strutturi tal-ħadid u b’hekk jimmarka l-korrużjoni li bil-mod tkun qed tiddegrada dawn l-istrutturi. Dan il-metodu ta’ ditezzjoni jista’ jitqies bħala metodu affidabbli u effettiv mil-lat ta’ spejjeż u jgħin ukoll sabiex isir monitoraġġ fuq l-integrità strutturali tal-istruttura kollha.

L-Onor. Owen Bonnici, Ministru għall-Ugwaljanza, l-Innovazzjoni u r- Riċerka waqt li kien qed jindirizza l-avveniment tat-tmiem online qal: “Dak li hu partikolarment kruċjali f’dan il-proġett huwa li sar permezz ta’ konsorzju ta’ tliet imsieħba minn tliet pajjiżi Ewropej differenti; Malta, il-Portugall u n-Norveġja, li jirriżulta fi skambju ta’ għarfien imprezzabbli.”

“Aktar minn 90% tal-merkanzija kollha li tidħol jew toħroġ minn Malta tgħaddi mill-portijiet tagħna. Għalhekk, l-importanza vitali tas-settur hija innegabbli u l-investimenti f’;dan is-settur huwa essenzjali biex jiġi żgurat li dak ikompli jevolvi mal-ħtiġijiet tal-lum.”

Il-kollaboraturi fil-proġett SMARTAQUA għamlu analiżi fil-laboratorji sabiex jittestjaw dan il-kisi li pproduċew. Dawn analizzaw dan il-kisi biex jaraw kemm kien effettiv biex jikxef il-korrużjoni eżistenti. L-Università ta’ Aveiro ttestjat dawn il-kisi ġewwa laboratorju, fil-waqt li l-AquaBioTech Group ittestja dan il-kisi direttament fuq strutturi marittimi. Kemm it-testijiet tal-laboratorji kif ukoll dawk li saru direttament fil-qasam taw riżultati promettenti. Il-kisi laħaq l-għan ewlieni tar-riċerkaturi għax ġiet osservata bidla fil-kulur tal-kisi meta kien hemm il-korrużjoni fuq sottostrati tal-ħadid.

Wara tliet snin, il-proġett issa konkluż u b’hekk AquaBioTech Group u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija organizzaw avveniment onlajn nhar l-Erbgħa, 3 ta’ Novembru 2021. Fost is-suġġetti diskussi waqt dan l-avveniment kien hemm l-importanza tal-innovazzjoni kollaborattiva, ir-riżultati li nkisbu matul il-proġett minn riċerkaturi differenti u l-innovazzjoni tal-futur fi strutturi tal-

akwakultura bħal turbini tar-riħ fuq il-baħar, strutturi għat-tfittxija taż-żejt u gass naturali u l-oqfsa tal-vapuri.

Fid-diskors tal-ftuħ tal-avveniment, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija – Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal li, “SMARTAQUA huwa wieħed mill-proġetti ta’ suċċess li ngħata fondi mill-MCST, mill-Fundação para a Ciência e Tecnologia  (FCT), mill-Kunsill tar-Riċerka tan-Norveġja, kif ukoll top-up finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea. Issa li l-proġett wasal fi tmiemu, il-Kunsill huwa grat li kien ta’ sapport f’dan il-proġett notevoli bl-għan li jiżviluppa teknoloġija ta’ ditezzjoni tal-korrużjoni li tista’ tiġi applikata fuq diversi strutturi akwatiċi u oqsfa tal-vapuri.”

Żied jgħid li, “Is-salvagwadjar tal-ibħra tagħna hu kritiku biex niżguraw l-għajxien ta’ ħafna industriji li jservu bħala pilastri tal-ekonomija Maltija – s-sajd, l-akwakultura, t-trasport marittimu u t-turiżmu. L-MCST se jkompli jippromwovi l-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka tal-ekonomija blu biex tgħin fil-kapitalizzazzjoni tar-riżultati miksuba permezz ta’ programmi bħal MarTERA, u tkompli tiżviluppa l-kapaċità lokali f’dan is-settur.”

Diversi korpi interessati kemm lokali kif ukoll internazzjonali, attendew u pparteċipaw f’dan l-avveniment.

Ekonomija

Sport