Thursday, December 26, 2024

Sistema ta’ dwal ġdida għal Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta qed tingħata dehra ġdida grazzi għall-installazzjoni ta’ dwal ġodda li qed tagħmel Enemalta plc. Dan l-investiment huwa immirat biex jdawwal din it-triq prinċipali fil-Belt Valletta b’mod aħjar u aktar effiċjenti billi jinbidlu d-dwal qodma li kien ilhom jintużaw għal ħafna snin.

B’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u Enemalta, skatta l-proċess biex din is-sistema tinbidel f’waħda aktar moderna u effiċjenti, li tikkonsma inqas enerġija u jdawwal aħjar.

Dan il-proġett, b’investiment ta’ €350,000, huwa l-ewwel fażi minn proġett sħiħ tat-tisħiħ tad-dwal ta’ diversi toroq ewlenin tal-Belt Valletta. F’din l-ewwel fażi, mit-Teatru Rjal sa Pjazza San Ġorġ, il-ħaddiema t’Enemalta installaw 125 lampa tal-aħħar teknoloġija maż-żewġ naħat tat-triq.

Permezz ta’ dan l-investiment, se jkun qed jitnaqqas bin-nofs il-konsum li kien jintuża qabel biex tiddawwal l-istess triq.

Wara li tlestiet l-ewwel fażi, bħalissa għaddejjin it-tħejjijiet għat-tieni fażi ta’ dan il-proġett sabiex il-qawwa ta’ dan id-dawl tkun tista’ tiġi kkontrollata u mibdula skont il-ħtieġa, b’mod awtomatiku.

Waqt żjara flimkien mal-membri tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Ministru għall-Ambjent, Enerġija u Intrapriża, Miriam Dalli esprimiet is-sodisfazzjoni tagħha għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.

“Din hija biss l-ewwel fażi ta’ proġett li se jkun qed jagħti dehra ġdida lill-Belt Kapitali ta’ pajjiżna. Bl-introduzzjoni ta’ teknoloġija diġitali, id-dawl li qed jiġi installat se jkun qed jiġi kkontrollat b’mezzi awtomatiċi biex jitbaxxa u jogħla skont il-ħtieġa, b’livelli ta’ dawl li jixirqu l-arkitettura tal-Belt filwaqt li joffru sikurezza lil dawk kollha li jgħaddu minnha ta’ kuljum,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit qal li jinsab sodisfatt li proposta li ressaq il-Kunsill Lokali tal-Belt sabiex il-Belt Kapitali tingħata dehra ġdida, b’sistema ta’ dwal ġdida, qed titwettaq. “Grazzi għal dan il-proġett, binjiet storiċi fi Triq Repubblika se jingħataw id-dinjità tagħhom fil-Belt Kapitali tagħna,” stqarr is-Sindku.

Il-Manager tad-Diviżjoni ta’ Enemalta responsabbli mid-dwal tat-toroq, Inġ Norman Zammit qal li dan il-proġett huwa maħsub li jagħti valur miżjud lill-Belt Kapitali ta’ Malta permezz tal-użu ta’ teknoloġiji li jtejbu l-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija. Kompla li fi Triq ir-Repubblika, is-sistema ta’ dwal ġdida se tagħmel din it-triq aktar sigura biex timxi fiha anke billejl.

Permezz ta’ investimenti oħra, Enemalta qed tippjana sistemi ta’ dwal ġodda f’għadd ta’ toroq ewlenin oħra f’diversi lokalitajiet.

Ekonomija

Sport