Thursday, April 2, 2026

Sit fl-Imqabba devolut lill-Kunsill Lokali

Aqra wkoll

Sit li preżentement huwa taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, ġie ttrasferit b’titolu ta’ kera għal perjodu ta’ ħames snin lill-Kunsill Lokali tal-Imqabba biex eventwalment jiġi żviluppat u jibda servi bħala s-sede l-ġdida ta’ dan il-Kunsill.

Dan il-post jinsab fi Triq Karmen Ciantar fl-Imqabba b’daqs ta’ ftit aktar minn 84 metru kwadru. Permezz ta’ dan it-trasferiment, il-Kunsill Lokali tal-Imqabba eventwalment se jkollu spazju akbar, aħjar u aktar aċċessibbli minn fejn jaħdem b’risq il-familji u r-residenti Imqabbin.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-proġett huwa konferma oħra tal-fiduċja li l-Gvern għandu fil-Kunsilli Lokali. “Il-Gvern jibqa’ impenjat li jsaħħaħ u jappoġġja lill-kunsilli lokali sabiex iwettqu ħidmiethom favur il-familji u r-residenti. L-allokazzjoni ta’ dan l-ispazju ġdid bħala uffiċċji tal-Kunsill hija prova ċara ta’ dan l-impenn, li jtejjeb is-servizzi, isaħħaħ il-preżenza fil-komunità u joffri ambjent aktar adegwat u aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jkompli jibni komunitajiet aktar b’saħħithom u inklussivi għal ġid ta’ kulħadd,” qal Dr Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern qed jassigura li kull ftehim ta’ devoluzzjoni jkun sostenibbli u mingħajr piż żejjed fuq il-kunsilli lokali. Hija spjegat kif dan l-impenn se jibqa’ jiġi msaħħaħ sabiex ikomplu jsebbħu l-lokalitajiet u jtejbu s-servizzi offruti kemm mill-kunsilli lokali kif ukoll mill-Gvern. “Xhieda ċara ta’ dan huwa l-proġett ippjanat għall-Imqabba, fejn permezz ta’ dan il-ftehim ir-residenti se jkollhom aċċess għal ċentru minn fejn jistgħu jinqdew b’servizzi governattivi f’post wieħed,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari.

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba Grace Marie Zerafa, spjegat kif għal numru ta’ xhur il-Kunsill kien qed jaħdem sabiex tinkiseb id-devoluzzjoni ta’ din l-art. “Din it-talba kienet tassew meħtieġa sabiex il-Kunsill ikun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu u jassigura li jitwettaq proġett olistiku li żgur se jkun ta’ ġid għall-komunità Imqabbija. Għaldaqstant, din hija ġurnata importanti ferm, hekk kif illum ġie ssiġillat ftehim li bla dubju se jħalli impatt pożittiv fuq ir-residenti. Dan speċjalment minħabba li din l-art issa ġiet uffiċjalment devoluta lill-Kunsill Lokali.” Hija rrikonoxxiet ukoll il-ħidma li qed issir mill-Gvern u l-appoġġ kontinwu li qed jingħata lill-Kunsilli Lokali, sabiex flimkien ikomplu jagħmlu differenza konkreta fil-lokalitajiet.

It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, Grace Marie Zerafa bħala s-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba, u s-Segretarju Eżekuttiv Valarie Galea.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport