Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, żdiedu l-inċidenti li ġew irrappurtati kif ukoll dawk li weġġgħu fl-istess inċidenti meta mqabel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel. F’dan l-istess perjodu kien hemm sitt fatalitajiet kaġun ta’ inċidenti tat-traffiku.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li l-ammont ta’ inċidenti tat-traffiku fit-tieni kwart tas-sena kienu jlaħħqu l-4,240, żieda ta’ 18% fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Id-distrett tal-Port tat-Tramuntana irreġistra l-akbar għadd ta’ inċidenti b’1,413-il każ jew terz tat-total tal-inċidenti.
Mill-istatistika rriżulta wkoll li t-total ta’ persuni li weġġgħu żdiedu b’8.9% għal 455. Dawk feruti gravi kienu jammontaw għal 98 u kienu jinkludu 67 xufier u 13-il passiġġier fost oħrajn.
Is-sitt fatalitajiet tat-traffiku li seħħew fit-tieni kwart tas-sena kienu kollha rġiel u kienu jinkludu tliet xufiera u tliet persuni oħra li nzertaw mixjin fit-triq fil-ħin tal-inċident.