Aktar kmieni dalgħodu sitt immigranti tressqu quddiem il-Qorti akkużati li ppruvaw jaħarbu minn pajjiżna b’dokumenti foloz.
Erbat irġiel mill-Alġerija, is-Sudan u l-Marokk, wieġbu ħatja għal dawn l-akkużi u ntbagħtu disa’ xhur ħabs kull wieħed.
Alġerin ta’ 27 sena ġie kkundat 14-il xahar ħabs għax ma kinitx l-ewwel darba li xellef diffrejh mal-liġi.
F’każ ieħor, żagħżugħ Sudaniż li jgħix fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far, ammetta li kellu fil-pussess tiegħu dokumenti foloz u passaport ta’ persuna oħra, u li pprova jagħmel użu mill-istess dokumenti biex jaħrab minn Malta.
Wara li l-Qorti kkunsidrat li ż-żagħżugħ kien lest jixhed fi proċeduri oħra u kkopera mal-awtoritajiet biex jinqabad is-sors tad-dokumenti foloz, huwa ngħata sentenza ta’ seba’ xhur ħabs.