Thursday, December 19, 2024

“Sitt minuti huma biżżejjed biex annimal f’karozza jmut b’heatstroke”

L-MSPCA twissi biex l-annimali ma jitħallewx fil-karozza fis-sħana

Mandy Cilia
Mandy Cilia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Issa li wasal biex jibda l-istaġun tas-sajf l-MSPCA fuq il-midja soċjali enfasizzat ir-riskji li jistgħu jgħaddu minnhom l-annimali domestiċi jekk tħallihom f’ċertu postijiet fl-eqqel tas-sħana. 

Eżempju li saħqet fuqu huwa meta tħalli annimal domestiku fil-karozza, anke bi twieqi miftuħin, tista’ toħloq sitwazzjoni fatali. Sitt minuti jkunu biżżejjed biex kelb jew qattus isofri minn heat stroke u tħallih mejjet. 

L-MSPCA kompliet tenfasizza li jekk persuni ma jistgħux jieħdu l-annimali magħhom u jħalluhom f’post frisk u sigur, ikun aħjar għall-annimali li jibqgħu d-dar fejn huma jħossuhom kuntenti. 

Kull sid għandu jkun responsabbli u jkun ċert li l-annimali għandhom skutella bl-ilma frisk u post fid-dar fejn huma jkunu għall-frisk. 

Meta x-xemx tkun fl-aqwa tagħha m’għandekx tħallihom jimxu fis-sħana għax jista’ jkun ta’ periklu għall-ġilda tagħhom u anke jinħarqu bix-xemx. Mhuwiex sigur li tħallihom fuq il-bjut jew fil-btieħi anke jekk ikollok kamra għaliex jekk din tkun esposta għax-xemx ikun kollu għalxejn. 

Għalhekk huwa importanti ħafna li f’dawn iż-żminijiet nagħtu attenzjoni żejda biex inkunu ċerti li l-annimali mhumiex ibatu s-sħana.

Ekonomija

Sport