Inċident tat-traffiku f’Għawdex Illum, għall-ħabta tat-3:45, p.m., il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq ir-Rabat, iż-Żebbuġ, Għawdex.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li seħħet ħabta bejn double decker tat-tip Optare, li kien qed jinstaq min raġel ta’ 45 sena residenti x-Xewkija, u Toyota Vitz, misjuqa minn Eġizzjan.
Fid-double decker kien hemm ukoll erba’ passiġġieri barranin; żewġ nisa u żewġt irġiel li għandom fuq is-sebgħin sena.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu. Ambulanzi ħadu liż-żewġ xufiera kif ukoll l-erba’ passiġġieri li kienu fid-double decker, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-aktar kura.
Aktar tard, il-passiġġieri ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ta’ natura ħafifa, ix-xufier ta’ 45 sena ma sofra l-ebda ġrieħi filwaqt li l-Eġizzjan sofra ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
Aktar kmieni: Sitt persuni l-Isptar wara ħabta bejn double decker u karozza f’Marsalforn
Sitt persuni kellhom jiddaħlu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex wara li għall-ħabta tat-3.00 pm kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku fi Triq ir-Rabat fiż-Żebbuġ Għawdex limiti ta’ Marsalforn.

Kelliem għall-Pulizija qal lil dan is-sit li l-inċidnet seħħ bejn karozza Toyota Yaris li kienet misjuqa minn raġel li l-identità tiegħu s’issa għadha mhux magħrufa u double decker li kienet misjuqa minn raġel ta’ 45 mix-Xewkija.
Fuq il-post mar tim mediku mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex li ħadu liż-żewġ xufiera u 4 passiġġieri li kienu fuq d-double decker. Jirriżulta li l-passiġġieri li kienu fuq d-double decker huma kollha barranin. Biex jinħareġ ir-raġel mit-Totoya Yaris kellhom jisejjħu l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.

Sorsi qrib dan is-sit qalulna li l-passiġġieri li kienu fuq d-double decker jidher li sofrew biss ġrieħi ħfief filwaqt li l-kundizzjoni tas-sewwieqa s’issa għadha mhix magħrufa.
Bħalissa t-triq tinsab magħluqa għat-traffiku.