Sunday, December 22, 2024

Sitt persuni mixlija li ħadu mat-€33,000 mingħand anzjan Ingliż wara li rrikattawh u heddewh

Aqra wkoll

Sitt persuna, fosthom tliet nisa, ilbieraħ filgħodu tressqu l-Qorti mixlija li heddew anzjan Ingliz u ħadulu madwar €33,000 wara li rrikattawh li kienu se jippubblikaw ritratti u filmati imbarazzanti tiegħu waqt attività sesswali ma’ waħda minnhom.

L-imputati huma Clyde Mallia ta’ 24 sena minn Ħal Għaxaq u ħuh Mario Mallia ta’ 25 sena, Massimo Fasanelli ta’ 25 sena minn Wied il-Għajn, Chanelle Spiteri ta’ 24 sena mill-Imtarfa, Christine Schembri ta’ 41 sena u t-tifla tagħha Xasnolley Schembri ta’ 18-il sena – it-tnejn mill-Marsa.

Mallia u Fasanelli separatament kienu mixlija b’serq, li żammew lill-anzjan kontra l-rieda tiegħu u li kkaġunawlu ġrieħi ta’ natura gravi. Fasanelli, flimkien ma’ Clyde u Mario Mallia, kienu mixlija li serqu mat-€33,000 minn fuq il-vittma. 

Clyde u Mario Mallia flimkien ma’ Fasanelli kienu mixlija wkoll bi ksur tal-ħelsien mill-arrest. Is-sitt imputati kienu mixlija b’ħasil ta’ flus. 

L-Ispettur Stephen Gulia xehed fil-Qorti kif l-anzjan kien mar jirrapporta l-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta illi safa misruq minn prostituta u kompliċi oħra magħha, fil-perjodu bejn Jannar tal-2022 u Ġunju li għadda.

Intqal li l-vittma kien regolarment iħallas bix ikollu x’jaqsam sesswalment ma’ Chanelle Spiteri. Madankollu, f’waħda miż-żjarat tiegħu, f’Jannar tal-2022, kien sab lill-aħwa Mallia jistennewh minflok Spiteri. Huma allegatament kienu aggredewh u ġiegħluh jittrasferixxi s-somma ta’ €14,000 lil Spiteri. 

Xi snin wara, ir-raġel kien reġa’ beda jirċievi t-theddid, din id-darba wkoll allegatament mingħand Fasanelli. L-Ispettur kompla jispjega li r-raġel kien mhedded li se jsawtuh u anke li se jiġu ppubblikati filmati imbrazzanti tiegħu ma’ Spiteri u ntalab biex jibgħat aktar flus lill-imputati. 

Is-suspettati kienu arrestati l-Erbgħa li għadda f’operazzjoni kordinata mill-pulizija. Fasanelli kien ipprova jaħrab mill-arrest iżda kien arrestat ftit wara fil-Mosta. Clyde Mallia kien diġà qed jinżamm arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fuq akkużi oħra. 

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet dwar il-validità tal-arrest, il-Qorti ddikjarat l-arrest ta’ Massimo Fasanelli, Chanelle Spiteri u Clyde Mallia bħala validi mentri dawk ta’ Xasnolley Schembri, Christine Schembri u Mario Mallia bħala invalidi u għaldaqstant inħelsu mill-arrest.

Is-sitt imputati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi. 

Chanelle Spiteri ngħatat il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garnazija personali ta’ €3,000 mentri Clyde Mallia u Massimo Fasanelli nżammu taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Stephen Gulia u Andrew Agius-Bonello megħjuna mill-Avukati Darlene Grima u Charmaine Abdilla mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġnerali. 

L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għall-aħwa Mallia mentri għal Christine Schembri u Xasnolley Schembri għal dehru l-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud. Għal Fasanelli deher l-Avukat Herman Mula filwaqt li għal Spiteri dehret l-Avukat Francesca Zarb. 

Ekonomija

Sport