Raġel ta’ 42 sena li jgħix Bormla kien ikkundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati ta’ frodi u serq.
Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo irriżulta li Jon Lawrence Formosa, li għandu l-vizzju tad-droga, għamel żmien jgħix għand Carmel Farrugia li ħenn għalih għax ma kellux fejn joqgħod.
Farrugia kellu prokura biex jieħu ħsieb il-flus t’oħtu u meta mar jiġbed xi flus ġie infurmat mill-bank li kien nġibdu €21,000 u għalhekk għamel rapport lill-Pulizija.
Mill-investigazzjoni rriżulta wkoll li l-awditur Christopher Spiteri kellu uffiċċju viċin ir-residenza ta’ Farrugia u sab li kienu serqulu diversi oġġetti fosthom timbru tax-xogħol
Il-Pulizija kellmet lil diversi kaxxiera tal-bank li lkoll identifikaw lil Formosa bħala l-persuna li marret tiġbed il-flus bi prokura li fuqha kien hemm falsifikata l-firma ta’ Spiteri u Farrugia.
Dan kollu ikkonvinċa lill-Maġistrat Farrugia Frendo ssib lil Formosa ħati tal-frodi b’dannu għal Farrugia u tas-serqa mill-uffiċċju tal-awditur u meta ġiet biex tagħti s-sentenza qieset, fost oħrajn, li dan ma kienx l-ewwel reat tiegħu.
L-investigazzjoni tal-Pulizija f’dan il-każ tmexxew mill-Ispetturi Spiridione Zammit u Hubert Cini.