Raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie kkundannat sitt snin ħabs hekk kif instab ħati li kellu relazzjoni sesswali ma’ tifla ta’ 14-il sena. Hu nstab ħati wkoll li ġibed filmat tagħhom waqt l-att sesswali u anke xerrdu ma’ sħabu.
Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Qorti li l-każ imur lura lejn l-2022 meta l-imputat kien beda xogħol bħala kok flimkien ma’ missier il-vittma. Ingħad li fil-bidu tal-impjieg tiegħu, l-imputat ma kellux fejn jgħix u għalhekk missier it-tifla kien qallu biex imur jgħix magħhom. Hu kien għamel xi ġimgħat jgħix magħhom sakemm imbagħad sab post. Dak iż-żmien it-tifla kellha 12-il sena.
Ingħad li l-missier kien keċċa lill-imputat mix-xogħol minħabba li kien skopra li hu kellu ċertifikati foloz u anke kellu l-vizzju tal-alkoħol u d-droga.
Il-każ kien sar magħruf meta l-imputat kien beda juri lil sħabu filmat tiegħu waqt att sesswali mal-vittma. Hu kien bgħat dan il-filmat lil wieħed mill-ħbieb ta’ missier il-vittma u kien hawn li kien sar jaf bih. Kien missier il-vittma stess li għamel rapport lill-pulizija.
Fil-Qorti ntqal li t-tifla kienet għaddejja minn żmien diffiċli għax kienet qalet li ġiet stuprata minn ħuħa, iżda minn omm differenti u anke għax ommha kienet abbandunatha meta kellha sena. Jirriżulta li dwar dan kollu hija kienet tiftaħ qalbha mal-akkużat.
Waqt ix-xhieda tagħha t-tifla qalet li għall-bidu hi u l-akkużat kienu jsegwu lil xulxin Instagram. Minkejja, li missierha kien ġegħelha tibblukkah darbtejn, hija xorta sabet mod kif tibqa’ tkellmu. Huma kienu ftiehmu u marret l-appartament tiegħu.
It-tifla qalet li darba minnhom l-imputat kien mar jixtri x-xorb u kienu xorbu żewġt ifliexken inbid flimkien. Skont it-tifla hija kienet qalet lill-imputat li kienet saret tħobb u anke staqsietu jekk hux problema għalih li hi għadha minuri. Hu kien weġibha li mhux problema għalih li kellu 14-il sena.
Xehdet li kellhom x’jaqsmu flimkien darbtejn fosthom meta kienet fis-sakra u ħa filmat. Meta ndunat bil-filmat hija provat tħassar il-filmat iżda ħadilha l-mobile minn idejha.
Pulizija xehed li l-imputat kien ammetta li kellu relazzjoni magħha, iżda qal li kien mingħalih li kienet adulta. Fil-Qorti hu qatt m’ammetta l-akkużi kontrih.
Iżda l-verżjoni li kien ta lill-pulizija kienet imxejna għalkollox hekk kif hu kien jidher f’xi ritratti ta’ festini t’għeluq snin it-tifla u anke ġieli raha bl-uniformi tal-iskola.
Dan kollu ma ħalla l-ebda dubju għall-Qorti li kien jaf li kienet minuri. Minn xhieda tal-pulizija wkoll ħareġ li huwa kien bagħat il-filmat lil sħabu.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, qalet li x-xhieda tal-vittma kienet konsistenti u ċara. Għaldaqstant, sabitu ħati u flimkien mas-sitt snin ħabs poġġietu taħt ordni ta’ trazzin għal tliet snin u tniżżel fir-reġistru tal-pedofli. Huwa ġie ordnat iħallas €2,800 fi spejjeż tal-Qorti.