Raġel ta’ 38 sena mill-Afganistan kien ikkundannat sitt snin ħabs u mmultat €10,000 wara li nstab ħati li importa l-ħaxixa tal-kannabis bil-posta.
Ahmed Walid Askarzada kien mixli li wettaq dan ir-reat fit-23 ta’ Frar ta’ erba’ snin ilu. Huwa kien mixli wkoll li kellu l-imsemmija droga fil-pussess tiegħu u li kien kompliċi ma’ xi ħadd ieħor biex jikkommetti reat.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ wara li ġiet infurmata mid-Dwana li kellha fil-pussess tagħha pakkett suspettat li kien fih il-kannabis, liema pakkett kien mgħoddi lill-Pulizija u kien indirizzat f’residenza f’Santa Venera.
Żied jingħad li d-Dwana infurmat lill-Pulizija li aktar tard ir-raġel l-ieħor kien mar jiġbor il-pakkett. Il-pulizija arrestaw lill-akkużat u lill-persuna li kien qiegħed miegħu fil-karozza.
Iż-żewġt irġiel kienu tressqu fil-Qorti fejn fit-18 ta’ Ġunju ta’ sentejn ilu, fejn ir-raġel li kien flimkien ma’ Ahmed, ammetta għall-akkużi kontrih u l-Qorti kienet ikkundannatu erba’ snin ħabs flimkien ma’ multa ta’ €7,000.
Meta ġiet biex tagħti l-piena, il-Maġistrat Elaine Rizzo, qieset li d-droga kienet ħaxixa tal-kannabis fl-ammont ta’ kilo, b’purità ta’ 8%, kif ukoll li l-imputat Askarzada ipprova jiżgwida lill-Pulizija meta qalilhom li jgħix f’post meta sid l-istess post qalilhom li kien ilu li telaq minnu.
Kien għalhekk li kkundannatu sitt snin ħabs u €10,000 multa, li jekk ma jħallashomx fi żmien 3 xhur jinbidlu f’piena ta’ priġunerija, kif ukoll ordnatlu jħallas €1,700 fi spejjeż tal-esperti mqabbdin fil-każ.


