Abdulsalam Yahya, Sudaniż ta’ 29 sena ġie kundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati li espona l-parti privata tiegħu u anke li għamel mossi sesswali quddiem żewġ subien ta’ 13-il sena meta kienet fuq il-karozza tal-linja f’Marsaskala.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-każ seħħ fil-5 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet meta żewġ l-imputat beda jistaqsi x’jisimhom lis-sudien. Aktar tard hu beda jagħmel mossi sesswali b’idu u wara anke niżżel il-qalziet u espona ruħu.
Permezz ta’ xhieda awdjo-viżiva, is-subien qalu li ħassewhom imbeżżgħin u taħt xokk, tant li wieħed minnhom ċempel lil missieru biex jiġbru mill-venda ta’ Wied il-Għajn.
Fix-xhieda tiegħu l-missier ta’ wieħed mill-vittmi qal li meta waslu Marsaskala ra lis-Sudaniż niżel warajhom u kien hawn li żammu sakemm waslu l-pulizija fuq il-post.
Uffiċjal tal-Pulizija li kien wasal l-ewwel fuq il-post xehed li hu ra liż-żewġ subien iżibilment imwerwrin u bid-dmugħ f’għajnejhom.
L-imputat min-naħa tiegħu, ammetta li kien fuq il-karozza tal-linja u li raż-żewġ subien, iżda qal li ma jiftakar xejn aktar dwar dak li allegatament seħħ.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li x-xhieda tal-imputat ma tistax tkun kredibbli u anke osservat li x-xhieda taż-żewġ minuri kienu konsistenti filwaqt li li x-xhieda tagħhom kienet ikkorroborata minn xulxin.
Wara li qieset kollox, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sabet lill-imputat ħati tal-akkużi u kkundannatu sitt snin ħabs. Ġie ordnat ukoll li ismu jitpoġġa fuq ir-reġistru pedofelija.
Il-prosekzzjoni tmexxiet mill-Avukat Jennifer Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Dorianne Tabone u Kurt Farrugia.

