Qisu lbieraħ meta pajjiżna kien għaddej minn żmien diffiċli. Lejn l-aħħar tal-2019 pajjiżna kien għaddej minn protesti fit-toroq u bidla fit-tmexxija tal-Gvern u tal-Partit. Kien hemm min ried li flok jinbidel il-mexxej u l-Prim Ministru, issir elezzjoni. Illum, meta nħarsu lura, ngħidu mnalla ma smajniex minnhom.
Fil-bidu tas-sena 2020, sena li biddlet lid-dinja, pajjiżna kellu Prim Ministru ġdid. Robert Abela ħa l-wirt li kien ħalla l-Prim Ministru Joseph Muscat biex il-pajjiż ikompli miexi, biex joħloq aktar ġid u riformi.
Robert Abela bħala Prim Ministru beda mal-ewwel. Ftit wara li nħatar, faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19. Għaddew sitt snin minn dan l-avveniment li ħadd fid-dinja ma kien preparat għalih.
Kulħadd jiftakar li kellna nitilqu mix-xogħol. Kulħadd jiftakar li kollox waqaf. It-turiżmu li jagħti ntrojtu lil mijiet ta’ eluf ta’ persuni f’pajjiżna u li kien għaddej b’numri rekord, kellu jieqaf zoptu. Ħwienet ma setgħux jiftħu għajr dawk tal-merċa. Self-employed li spiċċaw bla xogħol.
Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela għamel l-ewwel miraklu żgħir li salva eluf ta’ impjiegi u negozji. Robert Abela ppreżenta mini-budget ta’ aktar minn żewġ biljuni li permezz tiegħu kien fassal pjan ekonomiku li salva l-impjiegi u n-negozji ta’ dawk milquta l-aktar.
Diġà kien miraklu dak li wettaqna biex ġew salvati in-nies u n-numru ta’ dawk li jiġu nieqsa minn din il-marda jkunu mill-inqas possibbli. Niftakru li anki l-WHO kienu faħħru l-mod kif tmexxiet l-azzjoni kontra l-Covid-19.
Imma ninsew li grazzi għal viżjoni ta’ Robert Abela, u l-kuraġġ li wera, salvajna impjiegi u negozji b’tali mod li kieku ma sarx hekk, illum dawn m’għadhomx jeżistu. Illum, sitt snin wara hemm persuni li għadhom jaħdmu u negozji li għadhom miftuħa grazzi għal din l-azzjoni li ħa Robert Abela meta ġie rinfaċċjat bl-akbar sfida globali wara l-aħħar Gwerra.
Iż-żmien itaffi u jnesi. Nagħmlu żball jekk ninsew għax issa għadda ż-żmien, x’għamel għalina Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela u kif salvajna minn diżastru u falliment ekonomiku.
Dwar l-ekonomija, ir-riżultati jitkellmu waħedhom. Fiż-żona EU, pajjiżna għandu l-akbar tkabbir ekonomiku. Id-doppju tal-medja Ewropea.
Matul dawn is-sitt snin, ksibna l-inqas rata ta’ qgħad fl-UE. Minn aktar minn 8,000 persuna tfittex ix-xogħol fl-2012, illum ix-xogħol ifittex lin-nies u ma jsibx biżżejjed. Taħt Robert Abela, għamilna bidla drastika minn waħda mill-inqas ekonomiji li joħolqu impjiegi għal waħda mill-aqwa. Biss biss, ta’ min wieħed isemmi li bħala tfaddil, il-poplu Malti żied l-ammont minn €13.2 biljun għal €19.5 biljun imġemmgħin mill-familji Għawdxin u Maltin.
Dan huwa eku tal-fatt li l-kejk nazzjonali, il-GDP, qabeż il-€24.5 biljun. Somma stratosferika meta wieħed iqis li dan il-Gvern, ma daħħal l-ebda taxxa biex iżid id-dħul tiegħu. Dan ġab miegħu żieda fil-ġid per capita sitt punti perċentwali aktar malajr mill-medja Ewropea.
Dawn ir-riżultati jpoġġu lil Malta fost l-aktar ekonomiji reżiljenti fil-kontinent, saħansitra aħjar minn pajjiżi stabbiliti bħal Franza u l-Finlandja.
Fil-qasam soċjali, il-Gvern ta’ Robert Abela ma ċċajtax. Dan it-tkabbir ekonomiku ppermetta sensiela ta’ riformi soċjali estensivi. Il-gvern matul dawn is-sitt snin ta’ Robert Abela ta l-akbar żidiet fil-pensjonijiet fl-istorja ta’ Malta filwaqt li rdoppja l-allokazzjoni tal-Allowance tat-Tfal.
Daħħalna benefiċċji ġodda bħall-Carer’s Grant u mekkaniżmi addizzjonali tal-COLA. Introduċejna għotjiet ta’ €10,000 għall-first-time buyers u pproteġejna eluf ta’ anzjani f’kuntratti ta’ qabel l-1995 biex ma jispiċċawx bla saqaf fuq rashom minħabba r-riformi fil-kera.
L-infiq soċjali qabeż il-€2.5 biljun fis-sena għall-ewwel darba. Barra minn hekk, saru żewġ tnaqqisiet fit-taxxa li ħallew aktar minn €300 miljun fis-sena fil-but tal-familji. X’differenza minn Gvernijiet preċedenti fejn fil-budget u anki matul is-sena kienu jidġlu taxi inkiss inkiss.
Kisba oħra important tirrigwardja it-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema, Niftakru kif Gvern Nazzjonalist akien neħħa dawk il-festi pubbliċi li kienu jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa. Dan il-Gvern tahom lura għal sitt snin konsekuttivi.
Ma’ din il-miżura daħħal żieda għal-leave tal-paternità li żdied minn jum wieħed għal 10 ijiem sħaħ flimkien ma’ xahrejn oħra ta’ leave tal-ġenituri imħallas. Dan il-Gvern ħoloq ukoll leave ġdid għall-carers u leave estiż għall-każijiet urġenti tal-familja. Ma’ dawn ġab kundizzjonijiet ugwali għall-ħaddiema self-employed u protezzjoni ġdida għal ġenituri li jesperjenzaw telf ta’ tqala jew li għandhom trabi fl-ITU.
Dawn il-miżuri żiedu bla preċedent il-jiem ta’ leave għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Kisba importanti oħra li ġab Robert Abela hi l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Kulħadd jiftakar taħt Gvern Nazzjonalista kemm għolew bil-qalb il-kontijiet tad-dawl u ilma. Kulħadd jiftakar is-surcharge fuqhom. Kulħadd jiftakar il-kjus twal fil-pompi tal-petrol kull l-aħħar tax-xahar, jimlew il-vetturi għax l-għada l-fjuwil kien se jogħla. Illum grazzi għall-politika tal-Gvern immexxi minn Robert Abela, żammejna l-prezzijiet stabbli kemm għall-familji, għall-pensjonanti u għan-negozjanti.
Filwaqt li l-Ewropa rat żidiet storici fil-prezzijiet tal-elettriku, tal-gass u tal-fjuwil, Malta żammet il-prezzijiet stabbli. Il-gvern investa aktar minn €1 biljun biex jipproteġi lill-familji, liema intervent li jiswa madwar €2,000 fis-sena għal kull familja, jew madwar €12,000 fuq sitt snin. Dawn huma kollha flejjes iffrankati li baqgħu fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Lil hinn mill-preżent u dak li ksibna, Robert Abela ppreżenta fuq kollox viżjoni fit-tul ibbażata fuq trasformazzjoni diġitali u sostenibbiltà ambjentali. Din tinkludi karrieri diġitali u innovazzjoni teknoloġika, teknoloġiji ħodor u enerġija rinnovabbli u ambjenti ta’ għajxien ta’ kwalità għolja
Dan il-qafas jifforma l-“Viżjoni Malta 2050”.
Is-setturi diġitali komplew jespandu. Aktar minn 14,000 ħaddiem fl-ICT u kważi 19,000 karriera fil-gaming. Ma’ dawn jiżdiedu 6,000 impjieg diġitali full-time ġdid u aktar minn 1,300 vakanza diġitali għadha miftuħa u servizzi tal-eGovernment b’rata ta’ 100% skont l-UE teknoloġisti Maltin ukoll ġew rikonoxxuti fost l-aqwa innovaturi fid-dinja.
Il-gvern investa b’mod qawwi fl-infrastruttura ambjentali. Saru aġġornamenti estensivi fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tkabbir fil-ġbir tal-iskart organiku, ir-riċiklaġġ u l-enerġija rinnovabbli. Kellna żieda fl-użu ta’ vetturi elettriċi u ibridi u proġetti ta’ shore-to-ship power flimkien mal-impjanti tal-osmosis b’karbonju żero. Żidna żoni ħodor ġodda, parks u siti Natura 2000. Illum, wieħed minn kull sitt kilometri kwadri ta’ Malta huwa spazju pubbliku aħdar. Il-gvern ħawwel madwar 160,000 siġra u arbuxxell matul dan il-perjodu.
Dawn huma kollha kisbiet li saru taħt Robert Abela. Hemm ħafna aktar imma l-ispazju fil-ġurnal hu limitat. Kull persuna matul dawn l-aħħar sitt snin kien milqut żgur minn xi kisba. Jien nara però bħala l-akbar kisba li l-poplu għamel huwa proprju li għandna Prim Ministru bħal Robert Abela, li jinżel fil-livell tan-nies, jismagħhom, jifhimhom u jidħol personalment fil-problemi li jkollhom. Eżempju għalina l-Ministri u Deputati ta’ kif għandna nitrattaw u nimxu mal-poplu.

