It-tmexxija ta’ Robert Abela kienet ikkaratterizzata minn impenn b’saħħtu favur il-ġustizzja soċjali, il-progress ekonomiku inklussiv u l-valuri demokratiċi. Hekk iddeskriva t-tmexxija ta’ Abela, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez meta bagħat ittra bħala President ta’ Socialist International lill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.
Fl-ittra li fiha feraħlu għas-sitt snin ta’ tmexxija, Sánchez innota kif Abela saħħaħ il-progress soċjali, ipproteġa d-drittijiet tal-ħaddiema u avvanza l-iżvilupp sostenibbli. Qal li fi żminijiet ta’ sfida, it-tmexxija Abela wriet responsabbiltà, reżiljenza u viżjoni ċara għall-futur.
Socialist International awgurat lill-Mexxej Laburista għal aktar suċċess u rringrazzjatu għall-ħidma tiegħu. Fissret lill-Prim Ministru Malti bħala wieħed li taħt it-tmexxija tiegħu, pajjiżna kompla bi rwol attiv u kostruttiv kemm fuq livell Ewropew iżda anki fuq livell globali jimbotta prinċipji soċjal demokratiċi u progressivi.
It-tmexxija Abela iddistingwiet ruħha bħala tmexxija li biha ttieħdu d-deċiżjonijiet favur il-familji u n-negozji favur ekonomija b’saħħitha li kapaċi tinvesti fil-poplu Malti u Għawdxi. Bl-aktar ekonomija dinamika taħt Abela, Gvern Laburista kompla jintroduċi benefiċċji soċjali, iwieżen dawk l-aktar vulnerabbli fosthom il-pensjonanti u t-tfal u jagħti żewġ tax cuts kbar konsekuttivi lill-ħaddiema. Dan apparti żidiet fil-pagi u l-kundizzjonijiet ta’ 33,000 ħaddiem tal-Gvern u issa daħħal miżura li biha jgħin lill-privat billi jissusidja sa 80% fiż-żieda tal-paga.
It-tmexxija Abela imbuttat kompliet tgħin lill-first-time buyers bl-għotja ġdida introdotta ta’ €10,000, twessigħ tal-iskema Equity Sharing u taħseb mhux biss fl-istampa l-kbira iżda anki dik iż-żgħira li tolqot ftit nies fosthom bl-iskema New Hope u bidliet fil-liġijiet tal-IVF biex pajjiżna riesaq li jkollu l-elf tarbija bl-IVF mindu ddaħħlu bidliet fil-liġijiet. It-tmexxija Abela kienet ġeneruża mal-persuni b’diżabilità wkoll.
Taħt Robert Abela, pajjiżna issa se jkollu pjan komprensiv fit-tul, dik tal-Viżjoni Malta 2050 li se tibni prosperità ġdida għall-familji Maltin u Għawdxin.




