Thursday, July 3, 2025

Sitt snin u nofs ħabs għal raġel li weġġa’ lil eks sieħba u ħallielha marka permanenti fuq wiċċha

Aqra wkoll

Mohammed Ali Yousuf Nour Somalu ta’ 36 sena residenti Birkirkara instab ħati li weġġa’ gravi lill-eks sieħeb tiegħu u anke li kkawżalha sfreġju permanenti f’wiċċha.

Hu nstab ħati ta’ dan ir-reat li wettaq fil-lejl ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet.

Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti li l-imputat u l-vittma kienu ilhom f’relazzjoni ma’ xulxin għal madwar sentejn, iżda hi kienet temmet l-istess relazzjoni ftit taż-żmien qabel.

Il-vittma kienet miżżewġa qabel ma bdiet ir-relazzjoni ma’ Somalu, u anke kellha wild. Matul ir-relazzjoni huma kellhom xi argumenti u kull darba meta jirranġaw kienet tmur lura d-dar tiegħu.

Jirriżulta li qabel il-lejl ta’ meta seħħ il-każ huma kienu reġgħu ltaqgħu u l-vittma kienet għamlet xi jiem tgħix fid-dar tiegħu. Skont il-Prosekuzzjoni huma kienu bdew jiċċelebbraw il-festa pubblika u anke jixorbu xi xorb alkoħoliku. 

Iżda fl-istess waqt bdew jargumentaw dwar xi affarijiet li kienu seħħew fil-passat u l-akkużat beda jirrabja ħafna. Ir-rabja żdiedet meta qalet li se tfittex xogħol. Il-mara spjegat li dak il-ħin beda jissulentaha.

Fil-Qorti l-vittma xehdet li hekk kif kompla l-argument ħasbet li l-aħjar soluzzjoni tkun li tmur fuq is-sodda u tipprova torqod, iżda l-imputat segwieha u kien hawn li beda jagħtiha fuq rasha u fuq daharha.

Imbagħad l-għada l-vittma kienet marret għand ħanut fil-viċin u s-sid kien induna li kellha xi ġrieħi f’wiċċha. Kien hawn li hu ssuġerixxha li għandha ċċempel lill-pulizija mill-ħanut stess. Il-ġrieħi li kellha ġew iċċertifikati gravi u l-ferita li kellha f’wiċċha kienet permanenti.

F’dawn il-proċeduri xehed ukoll sid il-ħanut fejn qal li wara li l-vittma kienet ittiħded l-isptar kienet ċemplitlu fejn staqsietu jekk il-pulizija hux se jsawtu lis-sieħeb tagħha. Min-naħa tiegħu kien qallha li l-pulizija u lanqas il-gwardjani tal-ħabs ma jsawtux nies. Imbagħad staqsietu wkoll jekk hux qiegħed jingħata ikel.

L-imputat dejjem ċaħda l-akkużi kontrih tant li qal li hu qatt ma refa’ idu fuqha u kienet hi stess li tweġġa’ lilha nfisha.

Waqt l-istess proċeduri, il-vittma qalet li trid taħfirlu u tagħtih ċans ieħor, iżda l-Maġistrat Abigail Critien ċaħdet din it-talba. Il-Qorti qalet li m’hemmx raġuni għala tiddubita mix-xhieda tal-mara minħabba l-ġrieħi li ġarrbet. Għalhekk, sabet lill-akkużat ħati li weġġagħha u li uża forza kontra persuna, kif ukoll insulentaha u heddidha.

Flimkien ma’ ħabs. il-Qorti ħarġet ordni ta’ trattament ta’ erba’ snin biex jindirizza r-rabja tiegħu u l-problema tad-droga. Huwa ġiet ordnat iħallas €492 fi spejjeż tal-Qorti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport