Tuesday, October 21, 2025

Sitt xhur ħabs kull wieħed għal żewġ Albaniżi fuq passaporti foloz

Aqra wkoll

Klaudjo Gjini, ta’ 25 sena u Mustafa Sadikaj, ta’ 22 sena ġew ikkundannati sitt xhur ħabs kull wieħed wara li ammettew li għamlu użu minn passaporti foloz. Huma tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi nhar it-Tnejn li għadda.

L-Ispettur tal-Pulizija Christian Abela spjega lill-Qorti li ż-żewġ Albaniżi ġew arrestati fl-ajruport nhar il-Ħadd wara li nstab li qed jużaw passaporti foloz. Wieħed minnhom kien qed juża passaport Iżraeljan u l-ieħor Norveġiż.

Il-Prosekuzzjoni qalet li huma għandhom jingħataw sentenza ta’ ħabs effettiva minħabba li dan hu reat li jaffettwa s-sigurtà nazzjonali tal-pajjiż. Huwa żied jgħid li ż-żewġt irġiel kienu kooperattivi mal-Pulizija u ammettew ir-reat fi stadju bikri tal-investigazzjoni.

Min-naħa tiegħu l-avukat difensur Martin Farrugia qal li fl-akkużi ma hemm imkien miktub li huma kienu ta’ theddida għas-sigurtà ta’ pajjiżna. Huwa qal ukoll li ż-żewġ akkużati għadhom żgħar u inqas maturi u li dan kien l-ewwel każ tagħhom mal-liġi.

Il-Qorti sabithom ħatja skont l-ammissjoni tagħhom stess u kkundannathom għal sitt xhur ħabs kull wieħed. 

L-Ispettur Christian Abela mexxa l-Prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia assista lill-imputati.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport