Graziella Debono ta’ 45 sena residenti l-Għargħur intbgħatet sitt xhur ħabs wara li wieġbet ħatja għall-akkużi li kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-każ seħħ nhar is-16 ta’ Diċembru li għadda u fil-jiem u x-xhur ta’ qabel. Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, ikkunsidrat iċ-ċirkostanzi li fihom seħħew dawn ir-reati.
Il-Qorti semgħet illi l-akkużata għandha diffikultajiet familjari li jeħtieġu l-attenzjoni tagħha u li r-reati seħħew sforz in-nuqqas tagħha li tapprezza s-serjetà u s-solennità li biha għandha ssegwi l-kundizzjonijiet imposti fuqha.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti saħqet li l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ma jistgħux jittieħdu b’leġġerezza u għandhom jiġu segwiti skrupolożament.
“B’dawn il-kundizzjonijiet, akkużat ikun qiegħed jiġi fdat li se jobdi l-liġijiet tal-pajjiż kif ukoll jobdi l-kundizzjonijiet imposti fuqu jew fuqha. Ksur tagħhom ifisser ksur tal-fiduċja li l-Qorti u l-Istat Malti qiegħed ipoġġi f’ħoġor l-akkużat/a,” qal il-Maġistrat Caruana.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li sabitha ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha, il-Qorti kkundannatha piena ta’ sitt xhur priġunerija effettiva flimkien ma’ multa ta’ €150.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roderick Attard u Paul Camilleri.