Raġel li pprova jitlaq lejn Franza b’passaport falz kien ikkundannat sitt xhur ħabs wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Mahmood Abduqadr ta’ 22 sena mill-Iraq tressaq fil-Qorti mixli li għamel użu minn passaport falz u li għamel dikjarazzjoni falza lill-Uffiċċju Prinċipal tal-Immigrazzjoni.
L-Ispettur Lara Butters spegat fil-Qorti li l-imputat, nhar it-Tnejn li għadda, ipprova juża dokument falz biex isiefer lejn Franza. Hija spjegat li Abduqar kien waqaf f’Malta biex isiefer lejn pajjiż ieħor u kien kiseb il-passaport għal €50 mill-Greċja. “Qed naraw żieda f’dawn il-każi,” kompliet tgħid l-Ispettur Butters.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia sabet lill-imputat ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kien ikkundannat sitt xhur ħabs.
L-Avukat Victor Bugeja deher għall-imputat.