Żewġt irġiel mill-Georgia kienu kkundannati sitt xhur ħabs kull wieħed wara li ammettew li ppruvaw isiefru b’dokumenti foloz.
Fil-Qorti nstema’ li s-Sibt li għadda, l-Uffiċjali fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu infurmati li kien hemm żewġ persuni li kienu fil-pussess ta’ dokumenti foloz.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li Zurab Esitashvili ta’ 43 sena u Mishiko Esitashvili ta’ 20 sena kienu pprovaw jużaw lil Malta bħala tranżitu biex isiefru lejn Dublin minkejja li ma kellhomx viża.
Intqal li l-irġiel kienu tkellmu ma’ xi nies fil-Georgia stess biex iġibu dokumenti foloz.
Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-prosekuzzjoni talbet għal priġunerija effettiva minkejja li l-imputati kkoperaw bis-sħiħ fl-investigazzjonijiet. Id-Difiża m’oġġezzjonatx għal dan.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Elaine Rizzo sabithom ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u kkundannathom sitt xhur ħabs effettivi kull wieħed.