Dalgħodu fi Vjenna, Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD – The Green Party tkellmet mal-MPE Terry Reintke mill-Ħodor Ġermaniżi u Ko-President tal-Grupp tal-Ħodor/ALE fil-Parlament Ewropew, dwar is-settur tal-kostruzzjoni f’Malta, u b’mod partikolari dwar l-inċident li kkawża l-mewt ta’ Jean Paul Sofia f’Diċembru li għadda. Ġie diskuss ukoll id-dibattitu attwali f’Malta dwar l-emendi tal-gvern għal-liġi biex itemm il-projbizzjoni ġenerali fuq l-abort.
Gauci qasmet ukoll il-fehmiet tal-ADPD dwar il-ħtieġa li l-industrija tal-kostruzzjoni tiġi regolata aħjar mal-MPE Franċiża Gwendoline Delbos-Corfield, li hija wkoll rapporteur għal Malta, u l-MPE Daniża Kira M. Peter-Hansen, Viċi-President tal-Grupp Greens/ALE fil- Parlament Ewropew. Huma esprimew it-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni u jappoġġjaw is-sejħa għal inkjesta pubblika.
Sandra Gauci ikkummentat, “Ninsab kuntenta li ġejt milqugħa mill-Ħodor Ewropej bħala l-ewwel chairperson mara ta’ ADPD – The Green Party. Ħadt din l-opportunità flimkien ma’ Mina Jack Tolu biex nippreżenta it-tħassib tagħna dwar ċerti attitudnijiet ta’ xi politiċi f’Malta. Inkluż fuq is-sejħa għal inkjesta pubblika dwar it-tiġrif tal-bini li kkawża l-mewt ta’ Jean Paul Sofia. M’aħniex waħedna fil-ġlieda tagħna kontra l-korruzzjoni istituzzjonalizzata f’Malta.”
Sandra Gauci ntlaqgħet ukoll fil-Kungress tal-EGP mill-MPE Awstrijak Thomas Waitz, ko-chairperson tal-Partit tal-Ħodor Ewropew. Id-Deputat Chairperson ta’ ADPD Mina Jack Tolu jservi wkoll fuq il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit tal-Ħodor Ewropej.
Il-kungress tal-EGP fi Vjenna sar fi tmiem il-ġimgħa. Id-delegati ivvotaw fuq sensiela ta’ riżoluzzjonijiet inkluż dwar ekonomiji sostenibbli u ġusti, regolamentazzjoni tal-kannabis ibbażata fuq ix-xjenza, u ġustizzja, inklużjoni u rappreżentanza għal gruppi sottorappreżentati minħabba l-passat kolonjali tal-Ewropa.