L-istorja affaxxinanti tal-kumpless arkeoloġiku f’Tas-Silġ – is-sit bl-itwal użu magħruf fil-Gżejjer Maltin – se tiġi spjegata matul għodwa ta’ żjarat gwidati nhar il-Ħadd 10 ta’ April. Normalment dan il-kumpless ma jkunx aċċessibbli għall-pubbliku.
Bi storja li tmur lura aktar minn 4000 sena, il-fdalijiet f’Tas-Silġ se jieħdu lill-parteċipanti fuq vjaġġ li jkopri l-parti l-kbira tal-fażijiet tal-arkeoloġija Maltija. Is-sit hu magħruf l-aktar għas-santwarju Feniċju-Puniku f’ġieħ l-alla Astarte, li nbidel f’santwarju għall-qima ta’ Ħera-Ġuno fil-perjodu Ruman. Iżda x’kien hemm f’dan is-sit qabel u wara l-bini ta’ dan is-santwarju?
Fi skavi f’Tas-Silġ li saru fis-snin 60 tas-seklu 20 mill-Missjoni Arkeoloġika Taljana u d-Dipartiment tal-Mużewijiet kienu nstabu traċċi ta’ tempju megalitiku tal-aħħar żminijiet tal-perjodu Neolitiku. Dan kien preservat u użat mill-ġdid mal-milja tas-snin, tant li kien fil-qalba ta’ santwarju Feniċju-Puniku u, aktar tard, Ruman. F’dawn l-aħħar 30 sena, Heritage Malta, id-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija tal-Università ta’ Malta, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Missjoni Arkeoloġika Taljana użaw metodi moderni ta’ skavar biex jiżvelaw aktar mill-istorja intriganti ta’ dan is-sit. L-aktar skavi riċenti, fl-2020 u l-2021, kixfu iżjed evidenza dwar l-użu tas-sit fil-preistorja.
Tas-Silġ kien jintuża wkoll wara l-perjodu Ruman, meta l-bitħa tas-santwarju Ruman issaqqfet u nbidlet f’santwarju Nisrani, komplut b’fonti tal-magħmudija – l-ewwel evidenza ta’ knisja mibnija fil-Gżejjer Maltin. Dan kien l-aħħar mument fl-istorja meta s-sit intuża għal għanijiet reliġjużi. Maż-żmien il-knisja ġiet abbandunata, bosta strutturi twaqqgħu, u l-art bdiet tintuża għall-biedja.
Is-sitt żjarat gwidati tal-10 ta’ April se jsiru kull nofs siegħa bejn id-9.00 a.m. u nofsinhar. Se jkun hemm żewġ tours bil-Malti (fid-9.00am u fl-10.30am), tnejn bl-Ingliż (fid-9.30 a.m. u fil-11.00 a.m.) u tnejn bit-Taljan (fl-10.00 a.m. u fil-11.30 a.m.), permezz ta’ kollaborazzjoni bejn arkeologi ta’ Heritage Malta, l-Università ta’ Malta u l-Missjoni Arkeoloġika Taljana.
Il-biljetti jinxtraw biss mill-bieb, b’min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel. Jistgħu jidħlu biss dawk li jipparteċipaw f’xi wieħed mit-tours. F’kull tour jistgħu jidħlu sa 20 persuna. Il-prezzijiet tal-biljetti huma kif ġej: Adulti, anzjani u studenti – €5; membri ta’ Heritage Malta u tfal taħt it-12-il sena – b’xejn. Id-dħul kollu jmur għall-proġett ta’ Heritage Malta għall-konservazzjoni tas-sit ta’ Tas-Silġ.
F’Tas-Silġ jitrabbew in-naħal. Dawk li se jieħdu sehem fit-tours għandhom jaraw li ma jużawx fwieħa, żjut u prodotti tal-ħasil ifuħu, jew ammont eċċessiv ta’ kremi protettivi kontra r-raġġi tax-xemx. Għandhom ukoll iżommu ’l bogħod mill-kaxxi tan-naħal u jekk jaraw xi naħla ma jgħaffġuhiex.
Din l-attività se ssir bl-appoġġ tal-Istitut Kulturali Taljan, l-Ambaxxata Taljana f’Malta u d-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija tal-Università ta’ Malta.