Monday, January 19, 2026

Sitta jmutu wara nirien f’ċentru tax-xiri fil-Pakistan

Aqra wkoll

Nirien li ħakmu ċentru tax-xiri (shopping centre) f’Karachi, il-Pakistan, s’issa ħallew sitt persuni mejta, bil-ħaddiema tat-tifi tan-nar kienu għadhom għaddejjin jissieltu ma’ dawn in-nirien. 

Diversi partijiet minn Gul Plaza, li fih 1,200 ħanut fuq medda ta’ 8,000 metru kwadru, iġġarrfu. Fost il-persuni mejta hemm pumpier. 

Aktar minn 20 persuna oħra ndarbu u hemm biża’ li xi wħud għadhom maqbuda ġewwa dan iċ-ċentru kummerċjali li fih ħafna sulari. 

Is-servizzi lokali ta’ emerġenza qalu li meta l-għajnuna waslet fuq il-post is-Sibt li għadda “in-nar mill-ground floor kien laħaq infirex għas-sulari ta’ fuq, u kważi l-bini kollu kien diġà maħkum min-nirien”.

Aktar minn 30 persuna ġew irrappurtati nieqsa mill-familji tagħhom li nġabru fuq barra ta’ dak li fadal miċ-ċentru, jistennew b’ħerqa aħbarijiet dwar il-maħbubin tagħhom.

Il-Ħadd filgħodu kien għadu ħiereġ duħħan mill-bini ta’ Gul Plaza, li ġġarraf ħafna minnu u hemm tħassib li jista’ jkompli jiġġarraf.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport