Fl-aħħar sigħat ġie kkonfermat li sitt persuni tilfu ħajjithom f’inċident ġewwa minjiera tal-faħam fil-Polonja, liema inċident huwa t-tieni wieħed li laqat il-pajjiż fi żmien ġimgħa. Fil-preżent tinsab għaddejja wkoll ħidma ta’ tiftix għal erba’ ħaddiema oħrajn li għadhom irrapportati nieqsa. L-inċident seħħ fil-minjira ta’ Borynia-Zofiowka li tinsab qrib il-fruntiera mar-Repubblika Ċeka.
Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li dan id-diżastru seħħ minħabba ħruġ ta’ gass metanu, liema ħruġ seħħ minħabba theżżiża li seħħet fiż-żona.
Il-ġimgħa li għaddiet ġewwa l-Polonja wkoll kien hemm inċident ieħor ta’ splużjoni ġewwa minjiera, fejn b’kollox s’issa huwa kkonfermat li tilfu ħajjithom sitt persuni. Hu mifhum li dan l-inċident ukoll kien ikkawżat minn ħruġ ta’ gass metanu.