Sunday, February 15, 2026

Sitwazzjoni kaotika u instabbli għall-aħħar fi Franza

L-elezzjonijiet lokali: L-ewwel indikazzjonijiet tal-polz tal-poplu Franċiż u l-allegata theddida minn siti Russi…

Aqra wkoll

Fi ftit jiem oħra l-poplu Franċiż se jkun qiegħed jivvota għall-elezzjonijiet lokali. Elezzjonijiet li huma meqjusin bħala importanti ħafna għax minnhom se tingħata indikazzjoni ta’ fejn qiegħed il-polz tal-poplu Franċiż.

Dan fi żmien meta fi Franza, għal xhur sħaħ, kienet għaddejja minn instabbilità politika u kaos sħiħ l-aktar bi protesti kontinwi, xi drabi vjolenti fosthom dawki imsejħa ‘We block Everything’. Dan il-protesti saru minħabba diversi kwistjonijiet fosthom ir-riforma proposta tal-pensjonijiet li kienet se żżid l-età tal-irtirar. Il-protesti kbar u l-instabbilità li nħolqot hekk kif ġew proposti dawn ir-riformi wasslu biex ir-riformi jkunu sospiżi.

Mistennija żieda sinifikanti fl-astensjonijiet

Għalkemm qiegħed isir għadd ta’ tbassir dwar x’jista’ jkun ir-riżultat li ovvjament minn dan jibdew ħerġin spekukazzjonijiet dwar fejn jista’ jmur ir-riżultat tal-elezzjoni Presidenzjali li se ssir is-sena d-dieħla, kollox jindika żieda sinifikanti fir-rati ta’ astensjoni.

Osservaturi qegħdin iwissu li, “żieda fl-astensjonijiet se tkun qiegħda tiżvela nuqqas ta’ fiduċja dejjem tikber tal-pubbliku fil-mexxejja politiċi u tibgħat messaġġ qawwi lill-kandidati qabel l-elezzjoni presidenzjali tal-2027. Fil-jiem u fix-xhur li ġejjin, il-Franċiżi se jkollhom jagħmlu għażliet kruċjali dwar il-futur politiku ta’ pajjiżhom. L-ewwel billi jeleġġu s-sindki tagħhom, imbagħad billi jagħżlu President ġdid. Fir-rigward qegħdin iqumu diversi mistoqsijiet fosthom: il-poplu Franċiż se jbiddel ir-rotta? Lil min se jafda? Ma ninsewx li l-lemin estrem fi Franza ssaħħaħ ħafna u dan qiegħed joħloq tħassib għalkemm irridu nistennew sa Lulju biex naraw jekk Marine Le Pen hiex se titħalla tikkontesta. Dan minħabba każ li għaddej quddiem il-qrati u li d-deċiżjoni se tingħata f’Lulju”. 

L-instabbilità politika tibqa’ tirrenja

Wara li ftit tax-xhur ilu s-sitwazzjoni politika fi Franza ddeterjorat u nħolqot instabbilita kbira, fl-aħħar jiem rajna Gvern jerġa’ jisforza l-baġit mill-Parlament wara li salva minn żewġ voti ta’ sfiduċja. Fil-fatt, il-Prim Ministru Franċiż, Sébastien Lecornu, fl-aħħar jiem reġa’ invoka mekkaniżmu kostituzzjonali speċjali biex jisforza l-baġit għas-sena 2026. 

Min-naħa tiegu l-Prim Ministru Lecornu ddikjara li kien qiegħed jattiva l-Artikolu 49.3 tal-Kostituzzjoni biex iġiegħel lill-Parlament jgħaddi l-parti tan-nefqa tal-abbozz tal-baġit għas-sena 2026. Dan ifisser li l-Prim Ministru Franċiż sforza l-baġit għas-sena 2026 mill-Parlament mingħajr votl. Dwar dan sostna li, “meta d-dibattitu ma jibqax jippermetti konklużjoni, xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà” u  sejjaħ l-Artikolu 49.3 bħala “strument tal-aħħar għażla”.

Il-partit ta’ Melenchon ikklassifikat bħala ‘xellug estrem’

Tajjeb li nsemmu li waqt li kienet għaddejja l-kampanja għall-elezzjonijiet lokali, inħolqot kwistjoni u dan hekk kif il-partit ta’ Melenchon ġie kklassifikat bħala partit tax-xellug estrem. Din wasslet għal rabja  kbira minn Jean-Luc Mélenchon, il-mexxej tal-istess partit – “La France Insoumise”.  

Kien il-Ministeru tal-Intern li kklassifika l-partit “La France Insoumise” bħala ‘xellug estrem’ u dań metą qabel kien ikklassfikat bħala ‘xellug’. Il-ministeru f’dokument li għamel  ċaqlaq lil “La France Insoumise” mill-kategorija “xellug”, li tinkludi s-Soċjalisti.u l-Ħodor  għal “xellug estrem”.

Din id-deċiżjoni wasslet biex il-fundatur tal-“La France Insoumise”, Jean-Luc Mélenchon, jiddikjara u jikkundanna dan il-pass bħala prattika użata minn “repubblika tal-banana” u sostna li l-Ministru tal-Intern, Laurent Nuñez kien qiegħed “ifixkel l-ordni pubbliku elettorali saħansitra “b’mossa stil Trump”. 

Fil-kritika tiegħu staqsa li, “minn meta l-Ministru tal-Intern jiddeċiedi dwar dan it-tip ta’ bidla? Li min qed jipprova jissodisfa u għaliex issa?”

“La France Insoumise” ma qagħditx b’idejha fuq żaqqha tant li immedjatament ressqet appell urġenti mal-Kunsill tal-Istat, l-ogħla qorti amministrattiva fi Franza. Dawn għandhom xahar biex jiddeċiedu dwar il-kwistjoni peress li taqa’ taħt ir-regoli għal proċeduri ta’ emerġenza. Id-deċiżjoni tal-qorti hija kruċjali. M’hemmx dubju li l-klassifikazzjoni xellug estrem tista’ tinfluwenza ċ-ċansijiet fl-elezzjoni Presidenzjali tas-sena 2027.

Tħassib għal żieda fl-appoġġ għal-lemin estrem

Għall-elezzjonijiet lokali hemm tħassib minħabba l-appoġġ għal-lemin estrem.  fis-sena 2020 il-partit tal-lemin estrem kien rebaħ għadd ta’ bliet. Issa il-partit tal-lemin estrem, sar alleat mal-partit “Union des Droites pour la République” (UDR). Hawn jidher li l-għan tagħhom huwa li jirbħu bliet ewlenin bħal Toulon, Marsilja.

Interferenza minn siti Russi?

Hekk kif qorbu dawn l-elezzjoni lokali, tqajjem l-argument tal-biża’ ta’ indħil jew influwenza minn siti Russi. Din il-biża’ ġejja mill-fatt li kien hemm żieda fir-rapporti ta’ indħil Russu. L-awtoritajiet Franċiżi ħadu azzjoni deċiżiva qabel l-elezzjonijiet lokali tal-15 sat-22 ta’ Marzu. Dan billi, fl-aħħar jiem, madwar 100 websajt Russa li jimitaw il-midja lokali tneħħew mill-internet. L-imsemmija netwerks allegatament jużaw kontenut iġġenerat mill-AI biex jimminaw il-fiduċja, jippolarizzaw id-dibattitu u jdgħajfu d-demokrazija.

L-awtoritajiet Franċiżi qegħdin jinsistu li l-protezzjoni tal-elezzjonijiet ifisser id-difiża tal-verità, it-trasparenza u l-fiduċja pubblika. Dan japplika wkoll għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, elezzjoni li mhux biss se tiddefinixxi l-kors intern ta’ politika ekonomika u soċjali lokali, iżda wkoll se tikkonerma r-reżiljenza tan-demokrazija tagħha f’era diġitali fejn l-informazzjoni u n-netwerks online qegħdin ikunu attakkati minn operazzjonijiet ta’ theddid sofistikati. 

Rapporti reċenti jindikaw netwerks ta’ diżinformazzjoni li allegatament huma marbuta ma’ operazzjonijiet Russi fosthom il-kampanja “Storm-1516” li kienu influwenzaw il-dibattitu pubbliku Franċiż mal-avvanzi tal-elezzjonijiet lokali. Dawn jistgħu, għal darb’oħra, jagħmlu pressjoni fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

F’dan il-kuntest, il-pożizzjoni ta’ Franza vis-à-vis ir-Russja jibqa’ wieħed mill-punti kruċjali fil-pajjiż u fl-Unjoni Ewropea. Franza hija waħda mill-pajjiżi fil-Blokk ewlenin li jappoġġaw lill-Ukrajna u imponiet sanzjonijiet u pressjoni politika fuq Moska wara l-invażjoni tagħha fl-2022. 

B’mod parallel, ir-riżorsi ta’ sigurtà diġitali Franċiżi qegħdin jindirizzaw theddid ta’ influwenza li jidher li għandu l-appoġġ jew l-interessi ta’ strutturi Russi. Dan joħloq tensjoni bejn id-difiza ta’ soċjetà demokratika u l-libertà tal-espressjoni f’kampanja elettorali tassew kruċjali għall-futur tal-pajjiż. 

Il-fenomenu tad-diżinformazzjoni 

u l-azzjoni Franċiża

Meta nħarsu lura, atul l-istadju ta’ qabel l-elezzjoni inkluż elezzjonijiet lokali u parlamentari fl-2024 u 2025, agenziji Franċiżi u osservaturi indipendenti kienu identifikaw kampanji intensi ta’ diżinformazzjoni assoċjati ma’ operazzjonijiet li allegatament huma Russi fejn jingħad li dawn tal-aħħar għamlu użu ta’ websajts foloz u netwerks online biex jinfluwenzaw il-diskors pubbliku. 

L-aġenzija nazzjonali Franċiża għal monitoraġġ diġitali, VIGINUM, kienet żvelat li bejn Awwissu 2023 u Marzu 2025 intraċċaw madwar 80 kampanja ta’ diżinformazzjoni marbuta ma’ operaturi Russi. 

Rapporti oħra u għaqdiet mhux govenattivi (NGOs) irrapportaw li ġew identifikati ħafna websajts tal-midja li jimitaw outlets Franċiżi reali iżda jippromwovu kontenut pro-Kremlin u anti-Franċiż. F’xi każijiet, dawn il-siti huma rrapportati li kienu qegħdin jippromwovu attakki diretti fuq il-karattru ta’ mexxejja politiċi bħall-President Emmanuel Macron. 

Skont l-awtoritajiet Franċiżi l-għan wara dawn l-allegati kampanji ta’ diżinformazzoni huwa li tonqos il-fiduċja pubblika mill-istituzzonijiet u tippromwovi narrattivi favorevoli lil partijiet terzi. Dan jista’ jkollu konsegwenzi mhux biss fuq l-opinjoni pubblika iżda fuq ir-riżultati reali tal-elezzjoni ġenerali. Bil-vot tiegħu ċ-ċittadin jagħżel mexxejja li finalmenti jieħdu deċiżjonijijet importanti fuq kwistjonijiet bħall-alleanzi militari, ekonomija u relazzjonijiet bilaterali. Kien għalhekk li Franza għalqet jew issospendiet l-aċċess għal tali siti online.

Trasparenza u integrità tal-informazzjoni online

Riċerka minn stħarriġ reċenti turi li Franza hija soċjetà maqsuma bejn għarfien dwar l-importanza ta’ elezzjonijiet demokratċi u livell inqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet politiċi stabbiliti. Perċentwali sinifikanti taċ-ċittadini jemmnu li l-elettorat huwa kruċjali għall-futur tal-pajjiż iżda l-livell ta’ fiduċja fil-politika huwa baxx. 

Bħal f’kull demokrazija moderna, il-ħarsien tal-proċess elettorali jfisser iżjed minn reazzjoni passiva. Għandu jinkludi strateġiji proattivi ta’ edukazzjoni pubblika, regolazzjoni tal-teknoloġija kif ukoll koperazzjoni internazzjonali biex jappoġġja trasparenza u integrità tal-informazzjoni online.

Din is-sitwazzjoni twassal għall-diskussjoni fundamentali dwar ir-rispett għal-libertà tal-espressjoni kontra l-ħtieġa li jkun protett l-ispazju pubbliku mill-influwenzi barranin li jixtiequ jissottolinjaw jew ibiddlu l-opinjoni pubblika. 

Il-miżuri Franċiżi li jagħlqu websajts foloz u jimminimizzaw theddid diġitali juru determinazzjoni biex jippreservaw l-integrità tal-proċess elettorali. Iżda, fl-istess ħin iqajmu wkoll mistoqsijiet dwar il-bilanċ delikat bejn is-sigurtà u l-libertà f’soċjetà demokratika.

Is-suċċess jew falliment ta’ dawn l-isforzi mhux se jiġi mkejjel biss fil-ġurnata tal-votazzjoni iżda wkoll fl-għarfien taċ-ċittadini li tagħmir demokratiku ma jistax jibqa’ barra mill-internet mhux regolat u li l-ġlieda għall-verità u t-trasparenza tibqa’ s-saħħa ewlenija f’kull elezzjoni. Dan kemm f’Pariġi kif ukoll madwar id-dinja kollha. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport