Sunday, January 11, 2026

Sitwazzjoni perikoluża ħafna internazzjonalment

- L-Ispeaker Anġlu Farrugia

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul l-aħħar jiem rajna iseħħu fil-qasam internazzjonali għadd ta’ ġrajjiet. Ma kinux sorpriża għall-aħħar, iżda dak li sar ħoloq tensjoni kbira madwar id-dinja. Rajna l-attakk illegali tal-Istati Uniti fuq Stat Sovran – dak tal-Venezwela, minn liema attakk inħataf il-President tal-pajjiż u martu u ttieħdu lura lejn l-Istati Uniti. Rajna imbagħad il-kwistjoni tal-intervent  tal-Istati Uniti fuq tankers irreġistrati r-Russja, b’azzjoni mir-Russja biex tipproteġihom. Ma’ dan, kien hemm imbagħad id-dikjarazzjoni tal-President Amerikan, Donald Trump, li jrid lil Greenland, flimkien ma’ theddid ieħor fuq l-Amerika Latina. Waqt li kien għaddej dan kollu, fl-Istati Uniti rajna l-każ fejn omm Amerikana inqatlet mill-ICE fi sparatura, każ li qajjem protesti kbar. Madwar id-dinja ukoll, saru għadd ta’ protesti kontra l-attakk illegali tal-Istati Uniti fuq il-Vernezwela fejn spikkaw dawk fl-Italja lbieraħ.

IT-TORĊA tkellmet mal-Ispeaker Anġlu Farrugia, hekk kif matul il-ġimgħa dak li għaddej fil-qasam internazzjonali mistenni jiġi diskuss f’laqgħa tal-Ispeakers fil-pajjiżi tal-Commonwealth. 

L-Ispeaker Anġlu Farrugia iddikjara li “s-sitwazzjoni internazzjonali hi perikoluża ħafna. Perikoluża peress li ċerti prinċipji fid-drittijiet internazzjonali qed jinkisru b’mod lampanti u mhux qegħdin jinftehmu. Il-każ tal-ħtif ta’ Maduro, tħares kif tħares lejh hemm każ ċar ta’ ksur tas-saltna tad-dritt. Din hi theddida li trid tiġi indirizzata. Irid ikun hemm tnaqqis fit-tensjoni minn dak li twettaq”. 

L-Ispeaker iddikjara li “osservajt li fis-Senat għadda  rizoluzzjoni  fil-konfront tal-President u l-kwistjoni tal-Venezwela. Din ir-riżoluzzjoni hi pożittiva. Dwar Greenaland, il-pajjiżi tan-NATO qegħdin f’diviżjoni enormi. Jekk din it-theddida se tibqa’ għaddejja mill-Istati Uniti li trid tieħu Greenland għal raġuni ta’ sigurtà, qisha lanqas tagħmel sens għax din hi parti mid-Danimarka u d-Danimarka hi fin-NATO. Hemm argumenti li mhux jagħmlu sens. Hemm prinċipji internazzjonalii u konvenzjonijiet  fejn hemm mistoqsijiet kbar”.

Itenni li “l-istess fl-Unjoni Ewropea. Tidher li mhix ippreparat dwar l-Istati Uniti . Hemm il-pożizzjoni tal-President Franċiż Emmanuel Macron imma mhux kulħadd hu ċar ta’ fejn irid jimxi.  Jinteressani l-parteċipazzjoni Parlamentari u  għalhekk hu ta’ sodisfazzjon li hemm dik il-mozzjoni fis-Senat fil-konfront ta’ Trump. Fil-jiem li ġejjin se nattendi konferenza l-Ispeakers tal-Commonwealth u hemmhekk jista’ jitqajjem dak li għaddej”. 

Ta’ min jgħid li s-Senat tal-Istati Uniti ressaq riżoluzzjoni li tipprojbixxi lill-President Donald Trump milli jieħu aktar azzjonijiet militari kontra l-Venezwela mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kungress.  Il-vot nhar il-Ħamis dwar il-miżura proċedurali biex titmexxa ‘l quddiem ir-riżoluzzjoni dwar is-setgħat tal-gwerra kien ta’ 52 vot kontra 47. Diversi membri tal-Partit Repubblikan ta’ Trump inqatgħu mill-President biex ingħaqdu mad-Demokratiċi fis-Senat biex il-każ iimxi ‘lquddiem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport