Saturday, November 23, 2024

Skandlu kbir fil-Messiku

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Analiżi ta’ RUBEN BRIFFA

Li kieku ma kinitx iddominata mill-Covid-19, is-sena li qegħdin fiha kienet tibqa’ mfakkra bħala s-sena tal-iskandli ta’ korruzzjoni minn kumpaniji kbar madwar id-dinja. Fil-fatt, qabel ma faqqgħet il-pandemija, l-aħbar ewlenija fuq il-midja internazzjonali kienet il-multa li kellha tħallas il-kumpanija li tibni l-ajruplani, l-Airbus, fuq akkużi ta’ korruzzjoni f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, multa li kienet tammonta għal xejn anqas minn 4 biljun dollaru Amerikan. 

L-aħħar skandlu, minn sensiela twila ta’ skandli ta’ din ix-xorta, faqqa’ fil-Messiku, fid-19 ta’ Awwissu li għadda, meta l-eks chairman tal-kumpanija tal-gvern Messikan li tieħu ħsieb it-tħaffir għaż-żejt, għamel affidavit li fih akkuża lil xejn anqas minn 17-il persuna prominenti fil-Messiku, li kienu involuti f’korruzzjoni li tammonta għal mijjiet ta’ miljuni ta’ dollari. 

Fost dawn il-persuni hemm tliet eks Presidenti Messikani u diversi eks ministri. Dan l-eks Chairman iddeċieda li jikxef din l-allegata xibka ta’ korruzzjoni wara li huwa stess kien akkużat b’korruzzjoni u jrid li jeħlisha milli jiġi kkastigat billi jikxef lil ħaddieħor.

Il-korruzzjoni korporattiva

It-tixħim tal-politiċi minn kumpaniji kbar minn dejjem kien jeżisti. Fil-fatt, huwa stmat li kważi nofs il-kuntratti miljunarji maħruġa mill-gvernijiet jew kumpaniji tagħhom, jiġu mirbuħa minn kumpaniji li jkunu b’xi mod jew ieħor xaħħmu xi politiku. Studju li sar minn università Ingliża sab li l-korruzzjoni tal-politiċi minn negozjanti tirrendi bil-kbir għaliex għal kull dollaru li kumpanija tħallas f’tixħim, dan jirrendi bejn sitt u disa’ darbiet aktar. 

Ħafna pajjiżi qegħdin jippruvaw jiġġieldu din il-pjaga billi jimxu fuq il-passi tal-Istati Uniti u jdaħħlu liġijiet ibbażati fuq il-Foreign Corrupt Practices Act, il-liġi kontra dan it-tip ta’ tixħim, li kien daħħal is-Senat Amerikan aktar minn 40 sena ilu. Iż-żieda mingħajr preċedent ta’ każi ta’ korruzzjoni ta’ politiċi minn kumpaniji kbar tidher ċara miż-żieda ta’ każi li tressqu l-qorti f’dawn l-aħħar erba’ snin, li huwa kważi ħamsin darba aktar minn dak ta’ madwar għaxar snin ilu.

Minn studju ieħor li sar fuq dan is-suġġett, jidher li l-aqwa arma kontra din it-tip ta’ korruzzjoni hija dik li l-politiċi jintalbu jiddikjaraw id-dħul tagħhom.

Il-każ fil-Messiku

Fost l-eks Presidenti Messikani li semma’ Emilio Lozoya, l-eks Chairman tal-Pemex, il-kumpanija statali tal-gvern Messikan għat-tħaffir taż-żejt, kien hemm il-predeċessur tal-president attwali Andreas Manual Lopez Obrador, jiġifieri Enrique Pena Nieto, li mexxa l-Messiku bejn l-2012 u l- 2018. Din l-akkuża tikkonferma l-perċezzjoni tal-maġġoranza taċ-ċittadini Messikani li l-gvern immexxi minn Pena kien l-aktar wieħed korrott ta’ kull żmien. 

Fost l-akkużi li qiegħed jaffaċċja Pena hemm dik li martu xtrat villa li tiswa madwar 7 miljun dollaru bl-għajnuna ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni li kienet rebħet ħafna kuntratti tal-gvern fi żmien Pena. Każ ieħor li qiegħed jiġi akkużat bih il-gvern ta’ Pena jirrigwardja transazzjoni magħmula minn Rosario Robles, li fi żmien Pena kienet il-ministru tal-Iżvilupp Soċjali, ta’ madwar 400 miljun dollaru mill-kaxxa tal-gvern f’kumpaniji li ma kinux jeżistu.

Akkużi oħra ta’ Lozoya fil-konfront ta’ Pena jinkludu dik ta’ tixħim ta’ madwar 4 miljun dollaru minn Odebrecht, kumpanija tal-kostruzzjoni Brażiljana li hija kemm il-darba kienet akkużata b’tixħim ta’ politiċi madwar l-Amerika Latina, kif ukoll allegazzjoni li Pena kien xaħħam li xi politiċi tal-oppożizzjoni sabiex jivvotaw mad-deputati tal-gvern fuq liġi li kienet tippermetti l-investiment privat fl-industrija taż-żejt. Dejjem skont Lozoya, l-perċimes ta’ dan it-tixħim ta’ politiċi mill-kamp oppost kienu appuntu Pena u Luis Videgaray, li kien il-Ministru tal-Finanzi ta’ Pena. 

Din l-allegazzjoni qiegħda ssaħħaħ l-argument tal-President attwali Obrador li kemm il-darba kkritika r-riforma li kien għamel Pena li permezz tagħha kien neħħa l-monopolju li kellu l-istat Messikan fl-industrija taż-żejt. Barra minn hekk, Lozoya qal li l-eks Ministru tal-Finanzi kien ġiegħlu jixtri kumpanija li timmaniffatura l-fertilizzanti bi prezz għoli ħafna mingħand negozjant li kien ta villa tiswa kważi żewġ miljun dollaru lill-mara ta’ Pena. Lozoya ddikjara wkoll li huwa kien inħatar bħala ċ-Chairman tal-Pemex sabiex jibqa’ sieket fuq dawn il-każi li semmejna. 

President ieħor li qiegħed jaffaċja l-akkużi ta’ Lozoya huwa Felipe Calderon, il-president ta’ qabel Pena. Lozoya qiegħed jgħid li bil-barka ta’ Calderon u ta’ Jose Antonio Meade, li kien il-kandidat tal-partit ta’ Pena fl-aħħar elezzjoni presidenzjali, kumpanija kkontrollata minn Odebrecht xtrat xi kimika bi prezz redikolu.

Ir-reazzjoni tal-President

L-akkużi li qiegħed jagħmel Lozoya ma setgħux ġew fi żmien aħjar għall-president attwali Messikan. Dan minħabba li permezz tagħhom, il-kanuni tal-midja daru fuq il-partit tal-oppożizzjoni wara li dan l-aħħar, kienu mmirati fuqu minħabba l-mod ħażin li qiegħed jiġġieled il-pandemija, li s’issa ħalliet aktar minn 60,000 vittma fil-Messiku.

Minkejja li jeżistu dubji rigward l-ġenwinità ta’ Lozoya, li għandu kull interess li jakkuża politiċi rivali ta’ Obrador sabiex huwa u familtu jeħilsuha minn akkużi li qegħdin jaffaċċjaw, kif jgħidu il-qasba ma ċċaqċaqx għal xejn. Żgur li l-poplu Messikan huwa konvint mill-ħtija ta’ Pena u Calderon. 

Il-ħasra hija li s-sistema ġudizzjarja Messikana ftit għandha esperjenza fuq każi ta’ din id-dimensjoni. Sadanittant, minn mindu faqqa’ dan l-iskandlu, l-oppożizzjoni bdiet tipprova timmina r-reputazzjoni ta’ politiku inkorrottibli li jgawdi l-President Lopez Obrador. Fuq il-midja socjali itella’ filmat li juri li hu l-president jirċievi ammont kbir ta’ flus minn uffiċjali ta’ gvern lokali.

Sport