Friday, August 22, 2025

Skandlu MCAST u l-wiċċ tost tal-PN

Aqra wkoll

L-iskandlu MCAST heżżeż il-pajjiż. Allegazzjoni ta’ kif għosfru €2.3 miljuni minn taħt imnieħer kulħadd mhux ċajta. Aktar u aktar meta l-allegat każ ġie skopert mill-Pulizija u mhux minn min kellu jiskoprih. Allegatament hija involuta f’dan il-każ dik li sa ftit jiem ilu kienet kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali Siġġiewi. U hawn joħroġ il-wiċċ tost tal-Partit Nazzjonalista.

Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista ‘Il-Mument’ kienet attakk sħiħ fuq il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima. Il-Ministru Grima m’għandux bżonn lili biex niddefendih, imma trid tkun wiċċek aktar minn tost biex tgħidlu “kollu tort tiegħek dak li wettqet l-eks-kunsilliera tagħna għax imissek indunajt x’kien għaddej”. Ovvjament dan mhux il-kliem preċiż imma hekk BISS ifisser l-attakk li għamlet il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista.

Sadattant il-Ministru Grima ħatar Bord ta’ Inkjesta dwar dan il-każ u li se jitmexxa mill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi. Fl-istess ħarġa tal-gazzetta Nazzjonalista attakk enormi fuq l-integrità tal-Imħallef Mizzi. Kultant tibda tiddubita tkunx qed taqra tajjeb. Mhux talli jippruvaw jiżvijjaw l-attenzjoni minn fejn verament għandha tkun, talli jippruvaw jitfgħu l-ħtija fuq ħaddieħor. Talli jippruvaw joskuraw l-integrità ta’ persuna bħalma huwa l-Imħallef Mizzi. Attentat biex jiżirgħu d-dubju f’ħidmet l-Imħallef Mizzi qabel jibdiha. Jippruvaw jimminawh.

Sadattant ma rridekx taħseb li, almenu minn dak li qrajt, m’hemmx affarijiet li jdejquni f’dan il-każ. Ma nistax nifhem, per eżempju, kif l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali fl-2019 jirrimarka dawk li deherlu li kienu nuqqasijiet fir-rigward tal-MCAST u jgħaddu erba’ snin u l-istess Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali jirrimarka li l-affarijiet baqgħu kif kienu. Xi raġuni għal tali nuqqas kien hemm u xi ħadd għandu jwieġeb. 

Lanqas nista’ nifhem, dejjem jekk huwa minnu, kif il-Kontijiet tal-MCAST għas-sena 2023 għadhom mhux lesti. Ġie rappurtat li dwar dan il-każ l-Awdituri tal-MCAST, PFK, qalu li “mhux lesti għax hemm affarijiet pendenti li jridu jkunu diskussi b’mod kunfidenzjali mal-Bord tad-Diretturi tal-MCAST.”

Imma allura f’tul ta’ daqstant żmien ma kienx possibbli jinstab ħin biex ikunu diskussi “affarijiet pendenti li jridu jkunu diskussi b’mod kunfidenzjali mal-Bord tad-Diretturi tal-MCAST.”?

Sadattant nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Awwissu, l-MCAST ħareġ stqarrija u qal li minn Jannar ta’ din is-sena l-amministrazzjoni tal-MCAST affettwat tibdil u ċaqlieq f’responsabbiltajiet u dekasteri varji. Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena skont ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali bdiet tiġi implimentata bidla fis-sistema tal-‘payroll’ li tinkludi ‘in build verification system’ integrata ma’ numru ta’ sistemi oħrajn li jassiguraw livell għoli ta’ governanza u trasparenza.

Din is-sistema ġdida bdiet tiġi introdotta f’fażijiet, sabiex tiġi assigurata transizzjoni effiċjenti u mingħajr skossi tul ix-xhur tas-sajf ħalli eventwalment tieħu post is-sistema pre-eżistenti. Dawn ix-xhur huma ideali minħabba l-vaganzi tal-istudenti fiż-żmien meta jsiru ħlasijiet iżgħar għal servizzi mogħtija mill-impjegati tal-MCAST.

Fl-istqarrija tiegħu l-MCAST żied jinforma lill-pubbliku in ġenerali li nhar il-Ħamis, 7 ta’ Awwissu 2025 reġa’ issottometta lilu nnifsu għal skrutinju ta’ awditjar estern billi ngaġġa lil waħda mill-kumpaniji ewlenin ta’ awditjar f’pajjiżna biex tanalizza proċessi u tirrakkomanda azzjonijiet varji.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-MCAST qed isegwi l-evoluzzjoni tal-każ kif ukoll il-proċessi legali varji, inkluż dawk li jwasslu għar-restitwizzjoni tal-fondi pubbliċi involuti.

[email protected]

X’inhi l-pożizzjoni tas-Segretarju Permanenti Matthew Vella?

Kariga importantissima f’kull Ministeru, u li ġġorr ċerta responsabbiltà, hija dik ta’ Segretarju Permanenti. Kariga li tirrendi lil min ikun jokkupaha fl-id il-leminija tal-Ministru konċernat. Kariga li jekk titħaddem tajjeb tgħin qatigħ ħidmet il-Ministru, iżda jekk le lill-Ministru tista’ ddaħħlu ġo ħajt. Kariga li fil-Ministeru għall-Edukazzjoni hija okkupata minn Matthew Vella, Uffiċjal Pubbliku li jaspira li jkun il-Kap taċ-Ċivil li jmiss. 

X’inhi l-pożizzjoni ta’ Matthew Vella fil-każ skandaluż tal-MCAST? Matthew Vella jqis lilu nnifsu bħala persuna li timxi b’mod mirqum. Allura bir-reqqa kollha li jipproġetta li għandu Matthew Vella ma xammhomx għaddejjin illegalment €2.3 miljuni minn flus il-poplu? Il-budget lie tal-MCAST mhux il-firma ta’ Matthew Vella jġorr?

Qatt ma ddejjaq Matthew Vella li dak rakkomandat mill-Awditur Ġenerali fl-2019 baqa’ fl-istess sitwazzjoni erba’ snin wara? Bħala Segretarju Permanenti ħa jew ma ħax passi biex jara li dak li lmenta minnu l-Awditur Ġenerali fl-2019 jinġieb f’postu? Jekk ħa allura għaliex l-Awditur Ġenerali qal dak li qal fl-2023? Jekk ma ħax għaliex ma ħax? Jekk ħa passi u ma ġewx implimentati għaliex?

Matthew Vella ma jiddejjaqx mill-fatt li erba’ snin wara, fl-2023, l-Awditur Ġenerali jirrimarka dak li rrimarka, li kollox baqa’ kif kien?

Matthew Vella ma jiddejjaqx li l-kontijiet tal-MCAST għas-sena 2023 għadhom mhux magħluqin? Possibbli li dawn l-affarijiet ma jafhomx Matthew Vella?

Ta’ min jinnota li din tal-MCAST hija t-tieni darba fi ftit xhur li l-Ministru Clifton Grima u l-Ministeru għall-Edukazzjoni spiċċaw f’sitwazzjoni imbarazzanti. Dan wara d-direttiva approvata minn Matthew Vella fuq il-parteċipazzjoni ta’ edukaturi fuq il-mezzi tax-xandir. Direttiva li ġiet interpretata minn ħafna, inkluż l-MUT, bħala sarima ma’ ħalq l-edukaturi u kkritikata saħansitra mill-Imħallfin Emeriti Joseph Zammit McKeon u Vincent Degaetano fil-karigi rispettivi tagħhom ta’ Ombudsman u Kummissarju għall-Edukazzjoni.

Huma affarijiet bħal dawn li qegħdin jesponu lill-Ministru Grima għal ħafna kritika u dellijiet koroh.

Huma affarijiet bħal dawn li qegħdin inġustament itappnu ħidmet il-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern tiegħu. 

Huma affarijiet bħal dawn li qegħdin inġustament joskuraw lill-Prim Ministru u lill-Gvern immexxi minnu, b’elezzjoni ġenerali wara l-kantuniera.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport